Fid-diskors li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. kien għamel quddiem il-Papa Benedittu XVI fiż-żjara tiegħu fostna, kien stqarr li “il-Knisja tibda mill-imħabba lejn kull bniedem.”
Kien dan il-motiv li wassal il-Knisja f’Malta tkun ewlenija fil-ħidma li tgħin persuni f’diffikultà. Għal dan il-għan bniet istituzzjonijiet sħaħ biex tkun ta’ servizz. Bosta kienu dawk li kkonsagraw ħajjithom biex joffru dan is-servizz, filwaqt li numru sabiħ ta’ lajci nsara volontarjament ħassew li għandhom imiddu għonqhom f’ħidma favur il-batut. Investiet l-enerġiji, il-ħin, ir-riżorsi umani u materjali, fosthom anki l-ġid finanzjarju. Hawnhekk kien importanti il-kontribut ġeneruż tal-Maltin li wassal biex din il-ħidma kollha ta’ karità tiġi mfassla u mwettqa.
Fil-fatt, kif kien ingħad fis-Sinodu Djoċesan 1999-2003 “il-Knisja f’Malta għandha storja twila ta’ għajnuna diretta lin-nies fil-bżonn … Minn dejjem kellna tradizzjoni ta’ ħidma favur dawk fil-bżonn.” (Djakonija u Ġustizzja).
“Il-Knisja f’Malta kienet pijuniera fejn tidħol il-kura ta’ dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà. Il-Knisja kienet minn tal-ewwel biex ħolqot tweġiba għall-problema tad-droga u għall-problemi taż-żwieġ. Għad għandha f’idejha responsabbiltà kbira fil-kura tat-tfal minn familji b’varjetà ta’ diffikultajiet serji, ta’ nies mingħajr appoġġ ta’ familja, ta’ anzjani, ta’ persuni b’diżabilità u bosta xogħol ieħor bħal dan. Madanakollu, qatt ma tista’ tgħid li qed tagħmel biżżejjed.” (Kultura Soċjetà Knisja).
Din hi r-realtà li qed naraw kull sena meta niġu biex infasslu dan ir-rapport finanzjarju-pastorali tal-Knisja. Minn banda għandna diversi istituzzjonijiet ta’ natura soċjali li diġa qed jitolbu sussidji kbar mill-Fond Ċentrali tal-Arċidjoċesi biex jinżammu miftuħin, u mill-banda l-oħra hemm realtajiet ġodda ta’ ħtieġa u ta’ solidarjetà li l-Knisja tixtieq toffri servizz fihom, imma tħossha ma tistax minħabba spejjeż li dawn jinvolvu biex jibdew u jitkomplew.
Spiża sostanzjali f’servizzi soċjali offruti mill-Knisja
Ir-rapport tas-sena 2010 juri għal darb’oħra li l-qasam ewlieni li għalih jinħarġu sussidji mill-Fond Ċentrali tal-Knisja f’Malta huma l-inizjattivi soċjali fost l-anzjani, it-tfal u l-miżżewġin b’diffikultà. Dan barra ħidmiet u għotjiet ta’ karità li ssir kemm mill-Kurja kif ukoll mill-parroċċi.
Fil-fatt għal żewġt idjar tat-tfal u għall-Uffiċċju Ċentrali għad-Djar tat-Tfal inħareġ sussidju ta’ €163,000, waqt li għal tlett idjar tal-anzjani €203,000, u dan minkejja dħul minn miżati li jħallsu l-anzjani u children’s allowance fil-każ tat-tfal. Id-Dar tal-Providenza din is-sena ħadet ftit tan-nifs wara t-telf kbir ta’ kważi nofs miljun Ewro fl-2009. Għalkemm id-donazzjonijiet naqsu ħafna bi €300,000 dan għamel tajjeb għalih iż-żieda fil-fundraising u tnaqqis fl-ispejjeż.
Fejn jidħol it-Tribunal Ekkleżjastiku id-dħul mill-ħlasijiet naqas b’€7,400 u ġie ssussidjat b’ €446,000 mill-Fond Ċentrali. Biżżejjed jingħad li għall-ħlasijiet professjonali s-somma kienet ta’ €125,000.
Żewġ oqsma oħra ewlenin li għalihom jinħareġ sussidju kienu l-media u l-formazzjoni tas-saċerdoti. Fejn tidħol il-media tal-Knisja li jinkludi l-RTK, il-Ġensillum online u t-TV Unit, is-sussidju kien ta’ €568,000, waqt li għall-formazzjoni tas-saċerdoti, biex jieħdu korsijiet speċjalizzati barra minn Malta, is-sussidju kien ta’ €159,000.
L-ispiża globali f’servizzi soċjali offruti mill-Knisja kienet tkun akbar kieku ma kienx għall-għotjiet (grants) mill-Istat għal uħud mis-servizzi fosthom il-ħidma mar-refuġjati, mal-persuni b’diżabilita f’Dar Pirotta, ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika f’Cini Institute u ċ-Ċentru tar-Rijabilitazzjoni mid-droga tal-Caritas.
Aktar minn 500 impjegat lajk f’servizzi soċjali
L-akbar spejjeż mill-Arċidjoċesi jsiru f’pagi lill-impjegati lajċi u dan għax illum in-numru ta’ persuni kkonsagrati huwa żgħir (dawn kienu jnaqqsu l-ispiża sostanzjalment). Biżżejjed ngħidu li minn 528 impjegati full-time u 330 impjegati part-time li għandha l-Arċidjoċesi, fis-sena 2010, kien hemm 325 full-time u 189 part-time impjegati f’istituzzjonijiet soċjali. Dan ifisser li 60 fil-mija tal-impjegati huma għall-inizjattivi ta’ natura soċjali. Dan minbarra numru sabiħ ta’ volontiera.
B’kollox l-Arċidjoċesi ħarġet total ta’ €10,308,000 fuq impjegati lajċi, żieda ta’ €160,000 fuq is-sena ta’ qabel. Hawn irridu nsemmu wkoll ir-remunerazzjoni tal-kleru li jiswa kważi €2,400,000 u li għalih il-Fond Ċentrali ssussidja €333,000. Dan minkejja li dan il-fond għandu dħul mill-ġbir tal-parroċċi u minn investimenti. Fil-fatt din ir-remunerazzjoni hi għal 267 saċerdot.
Spiża oħra sostanzjali fl-Arċidjoċesi hija fl-ispejjeż tal-operat. Fost l-għola spejjeż (fl-ispejjeż tal-operat) tad-diversi entitajiet hemm il-kontijiet ta’ dawl/ilma, gas u fuel €1,424,000; ikel €822,000; stampar €545,000; servizzi professjonali €459,000; insurance, liċenzji u permessi €481,000. Is-somma totali għal dawn l-ispejjeż fid-Djoċesi telgħet għal €7,390,000, b’żieda ta’ €470,000 fuq is-sena ta’ qabel.
Żdied ukoll il-ħlas fuq it-taxxa minn €257,000 fis-sena 2009 għal €392,000 fis-sena 2010, żieda ta’ €135,000.
Spiża oħra li normalment tkun sostanzjali hija dik dwar xogħlijiet u manutenzjoni. Tajjeb ngħidu li kien hemm tnaqqis fl-infiq. Fil-fatt intefqu €3,546,000, tnaqqis ta’ €1,365,000 fuq is-sena ta’ qabel.
Anki fejn jidħlu l-festi parrokkjali, kien hemm tnaqqis fl-infiq min-naħa tal-Knisja. Fis-sena 2010 l-parroċċi ħarġu s-somma ta’ €396,000, tnaqqis ta’ €68,000.
Iż-żjara f’Malta tal-Papa Benedittu XVI
Matul is-sena 2010 kellna l-ispiża straordinarja għaż-żjara tal-Papa fostna. Il-Knisja f’Malta kienet responsabbli tal-organizzazzjoni u tal-ispejjeż għat-tliet avvenimenti ewlenin: fil-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat; il-Quddiesa ta’ fuq il-Fosos; il-laqgħa maż-żgħażagħ fil-Waterfront li għalihom ma sar ebda ġbir mill-pubbliku. Il-parti l-kbira tal-ispiża kienet fit-tribuni li nbnew għal dawn it-tliet avvenimenti. Il-parti l-oħra tal-ispiża saret għax-xiri u l-kiri ta’ apparat għall-viżwal u l-awdjo, li kellna bżonn biex il-pubbliku seta’ jipparteċipa u jgawdi aħjar l-avvenimenti li saru. F’din l-ispiża kien hemm ukoll ix-xiri ta’ oġġetti (bħal kotba għaċ-ċelebrazzjonijiet eċċ.) li tqassmu b’xejn u oġġetti oħra bħal midalji kommemorattivi. Dawn l-oġġetti tal-aħħar saru biex itaffu l-ispiża. Ġew iffrankati bosta flus minn servizzi professjonali u minn għadd kbir ta’ persuni li taw sehemhom b’mod volontarju kemm fil-preparazzjoni kif ukoll waqt iż-żjara tal-Papa. Fost l-affarijiet li nxtraw, inbiegħu uħud minnhom (bħal siġġijiet li saru apposta tal-kartun biex jiżġi mħares l-ambjent), waqt li ngħataw ukoll xi donazzjonijiet. L-ispiża netta kienet ta’ €1,083,000.
Sehem l-Insara fil-ħidma tal-Knisja
Għall-Knisja l-akbar dħul li jibbilanċja l-ispejjeż huwa l-ġbir fil-parroċċi u d-donazzjonijiet li jammontaw għal €8,966,000, għalkemm f’dan kien hemm tnaqqis ta’ €651,000. Barra dan hemm id-dħul mill-investimenti li jlaħħqu €5,989,000, li wkoll matul is-sena 2010 kien €355,000 anqas. Kontribut ieħor hu l-ħlasijiet li jsiru għas-servizzi li jingħataw fid-djar tat-tfal (children’s allowance) u fid-djar tal-anzjani (miżati), fejn dawn tal-aħħar ilaħħqu għal €3,177,000, żieda ta’ €117,000.
Meta tikkonsidra d-dħul u l-ħruġ totali għas-sena finanzjarja 2010, ir-riżultat kien telf ta’ €1,750,000. Ta’ min ifakkar li qed nitkellmu fuq madwar mitt entità differenti u li kull entità għandha amministrazzjoni għaliha.
L-isfidi għall-futur
Naturalment din l-istampa mhijiex kompluta jekk ma ssemmix il-ħidma utli li ssir mill-Knisja fejn tidħol il-formazzjoni nisranija u akkademika fuq bosta livelli, il-qima liturġika li ssir kontinwament fil-parroċċi tagħna, kif ukoll il-ħidma pastorali mat-tfal, adolexxenti, żgħażagħ, għarajjes, miżżewġin, ma’ persuni b’diżabilità, ma’ persuni barranin li ġew ifittxu kenn f’pajjiżna, kif ukoll il-promozzjoni ta’ valuri nsara f’diversi aspetti tal-ħajja soċjali bħalma huma l-kultura, l-ambjent, il-ġustizzja, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-isport.
Din il-ħidma estensiva titlob l-impenn ta’ ħafna nies, ħafna minnhom volontiera, li qed jagħtu ħinhom, l-enerġija u t-talenti b’servizz għal dan il-għan. Din il-ħidma tinvolvi wkoll ħafna spejjeż li qed jiġu ssussidjati mill-Fond Ċentrali tal-Arċidjoċesi. Il-problema l-kbira li għandna issa hija li wasalna f’punt fejn m’hemmx biżżejjed fondi għall-impenji kollha li għandha l-Knisja u biex tidħol għal impenji ġodda.
Agħfas hawn biex tniżżel ir-Rapport Finanzjarju u Pastorali għas-sena 2010
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]