L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hemm kelma li faċilment tiġini kull Randan. Hi kelma bl-Ingliż li forsi li dan iż-żmien hi iżjed ta’ moda – detox. Hu proċess li permezz tiegħu jiena nitnaddaf minn dak kollu li hu tossiku u velenuż fil-ħajja tiegħi.
Fl-Evanġelju Ġesù jinsisti li dal-proċess mhux neċessarjament xi ħaġa li tidher minn barra jew li ssir għal għajn in-nies. Imma jinsisti li dal-proċess ta’ detox, ta’ fejqan, ta’ ħelsien minn dak kollu li javvelenani, li hu tossiku f’ħajti —irid isir fil-kamra ta’ ġewwa— fil-qalb tiegħi, fir-ruħ tiegħi u fil-mod kif naħseb u naġixxi.
U Ġesù jispjega dan il-proċess ta’ detox li bdejna llum, is-sawma qaddisa ta’ Ras ir-Randan – għandu tliet aspetti importanti: jgħallimna nħarsu lejna nfusna, lejn il-proxxmu u lejn Alla.
Aħna lkoll kemm aħna, xi darba kellna mmorru għand xi konsulent jew tabib. U għalkemm forsi jinsa dak li għamel hu lilek, jgħidlek dak li għandek bżonn tagħmel. U allura jgħinek biex dak li kollu li fil-ħajja tiegħek mhux qed jgħin lil saħħtek – tneħħih. U b’xi mod hemm ukoll detox tar-ruħ. Ejjew neżaminaw lilna nfusna, nisimgħu lit-tabib tar-ruħ li hu Ġesù, li jsejjaħ lilu nnifsu t-tabib u nippruvaw nitolbu biex jipprova jsaffi r-ruħ u l-qalb tagħna. Mhux għal għajn in-nies. Il-proċess tat-tisfija, permezz tas-sawm, mhuwiex kwistjoni biss ta’ x’tiekol u ma tikolx, għalkemm dak hu sinjal estern u qawwi, imma li tinfatam minn dak kollu li qed ikissrek. Li l-qalb tiegħek qed jagħmilha qalb tal-ġebel minflok qalb tal-laħam, li jagħmlek persuna kiefra flok persuna ħanina.
Ejjew nitolbu, li kif nibdew dal-proċess ta’ detox, nitolbu lill-Mulej ibiddel il-qalb tagħna minn qalb tal-ġebel għal qalb tal-laħam.
It-tieni aspett hu l-proxxmu tagħna. Wara kollox il-karità li nagħmlu ma’ min hu fil-bżonn hi espressjoni li aħna qed nippruvaw nissaffew dwar kif inħarsu lejn ħaddieħor, lejn ir-relazzjonijiet tagħna – kemm fl-imħabbiet tagħna kif ukoll fir-relazzjonijiet fuq ix-xogħol, mal-ġirien. X’inhu jikkmandana r-rabja, l-għira, il-kattiverja – anki fuq is-social media? Jew il-mogħdrija, il-ħniena, il-ħniena, is-sabar, it-tjieba? Għandna bżonn ukoll detox fir-relazzjoni ta’ bejnietna. Il-karità li tieħu ħsieb lil min hu vulnerabbli u fqir hi sintomu ta’ atteġġjament ġdid ta’ kif inħares lejn il-proxxmu. Imma ma ninsewx ir-relazzjonijiet li għandna ma’ dawk li għandna l-iżjed qrib tagħna. X’jiswa li jkun hemm maratona li fiha tagħti l-eluf u mbagħad min jgħix miegħek ma tkellmux jew dejjem bil-geddum jew dejjem bir-rabja? Jalla l-karità li nagħmlu tkun sinjal li bdejna proċess ta’ detox anki fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
L-aħħar relazzjoni li Ġesù jitkellem fuqha fl-Evanġelju u li jixtieq li tkun ukoll proċess ta’ purifikazzjoni – hu l-mod kif inħarsu lejn Alla. Alla x’inhu? Xi ħadd li jaqdini meta jkolli bżonn? X’inhu d-detox li għandi bżonn meta naħseb fuq Alla? Forsi għandi idea wisq sempliċi ta’ Alla? Fis-sens li Alla jinsa, jaħfer, jagħder kollox u kollox jibqa’ għaddej? Jew ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla hi ta’ mħabba imma ta’ verità?
Kemm hi sabiħa l-istedina li għamlilna l-Appostlu Missierna San Pawl li se nisimgħu iktar tard f’dan ir-Randan imqaddes meta jistedinna li nħallu lil Alla jħabbibna miegħu! Alla jixtieq jitħabbeb magħna. Alla huwa mħabba. Imma l-Appostlu Missierna jirrikonoxxi li hemm bżonn anki l-parti tagħna.
Dan il-proċess tar-Randan hu mod kif aħna ninfetħu lejn il-ħniena u l-imħabba t’Alla billi nieħdu ħsieb tagħna nfusna, ta’ xulxin u nilqgħu b’hekk il-ħniena li Alla jixtieq jagħtina.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50(51):3-4,5-6a,12-13,14,17
Qari II: 2 Kor 5:20–6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18