Il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż wera tħassib għall-aħbar proposta bit-titlu ‘Koran Burning Day’ fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 li wasslu għat-telfien ta’ numru kbir ta’ ħajjiet innoċenti. “Dawn l-atti ta’ vjolenza li huma deplorabbli ma jistgħux jiġu ribattiti b’għemil gravi kontra ktieb li hu meqjus sagru minn komunita reliġjuża”, qal il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-Reliġjuż fi stqarrija għall-istampa.
Kompla l-Kunsill Pontifiċju li “kull reliġjon, bil-kotba sagri, postijiet ta’ qima u simboli rispettivi tagħha, għandha dritt għar-rispett u l-protezzjoni”.
Skont il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, “kull mexxej reliġjuż u kull persuna li temmen hu/hi msejħa jġeddu l-kundanna ferma għal kull forma ta’ vjolenza, partikolarment il-vjolenza li ssir f’isem ir-reliġjon. Fid-dawl ta’ dan, l-istqarrija tal-Kunsill Pontifiċju għalqet bi kwotazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II lill-Ambaxxatur il-ġdid tal-Pakistan fis-17 ta’ Diċembru fl-1999, u bi kwotazzjoni tal-Papa attwali Benedittu XVI lill-Ambaxxatur il-ġdid tal-Marokk fl-20 ta’ Frar fl-2006…fiż-żewġ ċirkustanzi ż-żewġ Papiet qalu li l-vjolenza qatt ma hi ġustifikata u lanqas qatt ma hi kompatibbli mal-prinċipji tar-reliġjon.