Caritas Malta tqis il-Baġit 2024 bħala wieħed soċjali li hu immirat li jżid id-dħul lil dawk l-iktar vulnerabbli speċjalment anzjani, persuni u familji bi dħul baxx, żgħażagħ, persuni b’diżabilità u dawk b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali, fl-isfond tal-għoli tal-ħajja esaġerat u tad-distakk dejjem jikber bejn ilfqir u s-sinjur.
Caritas Malta ppromoviet il-bżonn ta’ Cola (Cost of Living Adjustment) addizzjonali għal dawk l-iktar fil-bżonn. Hu ta’ pjaċir naraw li dan l-intervent qed ikompli jissaħħaħ f’dan il-baġit. L-istess iż-żieda filminimum wage kien bżonn, u hu pass ieħor ’il quddiem. Dawn il-miżuri, flimkien mas-sussidju qawwi tal-enerġija u l-qamħ u ż-żidiet fil-benefiċċji jolqtu direttament lill-iktar vulnerabbli. Bi pjaċir naraw li man-numru ta’ benefiċċji li komplew jissaħħu, kien hemm ukoll żieda fil-benefiċċju għal dawk li qed isegwu b’suċċess, programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
Nittamaw li ż-żidiet tal-COLA u l-minimum wage ma jwasslux għal żidiet ġodda fil-prezzijiet u b’hekk nappellaw li f’dan il-perjodu diffiċli tiġi megħluba l-kilba għall-profitt sproporzjonat.
Caritas tantiċipa li xi persuni li kienu eliġibbli għal ċertu mediċini bla ħlas u benefiċċji soċjali oħra; blgħoti tal-għajnuniet u żidiet, jistgħu jiġu f’sitwazzjoni li jitilfu l-intitolament tagħhom għal mediċina jew benefiċċju għax id-dħul tagħhom jiżboq il-limitu tal-means test. F’dan il-każ xi individwi xorta jistgħu jispiċċaw f’sitwazzjoni prekarja. Għalhekk din is-sitwazzjoni trid tiġi sorveljata sew u jsiru aġġustamenti meħtieġa.
Jibqa’ l-bżonn urġenti:
- għat-tisħiħ tal-awtoritajiet kollha biex abbużi ta’ kull tip jiġu kkontrollati; tissaħħaħ ilkontabilità, u nippromwovu l-kwalità f’kull qasam. Eżempju ta’ dan hu l-bżonn ta’ tisħiħ talpoteri tal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) u tal-ERA biex isir iktar infurzar u l-kontroll ta’ abbużi marbutin maż-żidiet fil-prezzijiet u l-isfreġju ambjentali.
- tal-inċentivar ta’ negozji li jakkwistaw ċertifikazzjoni bħall-ISO 26000 (timbru li juri li lkumpanija tħaddan prinċipji tal-mudell ekonomiku soċjali u topera b’responsabbiltà soċjali)
- bżonn ta’ investiment ikbar f’housing affordabbli u adegwat għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom filwaqt li jgħixu ħajja diċenti.
- ta’ mudell ekonomiku li filwaqt li jnaqqas id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur jimmira għassostenibbiltà u jnaqqas dipendenza fuq l-kostruzzjoni, cheap labour u żieda fil-popolazzjoni.
- li jiġi implimentat il-pjan ta’ sptar ġdid għal dawk b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
- f’kuntest li s-sussidju tal-enerġija mhux sostenibbli fit-tul u anke għall-fini ambjentali u f’realtà ta’ popolazzjoni dejjem tikber, il-pajjiż irid juża din it-tieqa biex b’mod drastiku: inaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi u jkompli jaqleb għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija alternattivi u nodfa.
L-appell jibqa’ lill-Gvern, lill-korpi kostitwi, lis-soċjetà ċivili, lin-negozjanti u lill-NGOs biex naħdmu flimkien għal soċjetà tassew soċjali, ġusta u li toffri kwalità diċenti ta’ ħajja.