L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona tal-Volleyball tal-BOV b’risq id-Dar tal-Providenza, ġiet inawgurata uffiċjalment nhar l-Erbgħa waranofsinhar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, u Charles Azzopardi, kap tas-CSR tal-Bank of Valletta. Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara, fejn qed isiru t-taħriġ u l-preparamenti tal-players li se jieħdu sehem fil-maratona. Kull sena din il-maratona tal-volleyball issir biex jinġabru l-fondi meħtieġa għad-Dar.

Id-Dar tal-Providenza twaqqfet fl-1965, biex toffri servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità. Illum id-Dar tilqa’ 115-il persuna fir-residenzi li għandha fis-Siġġiewi, iI-Qawra, iż-Żurrieq u Birkirkara. Aktar minn 7 miljun ewro huma meħtieġa kull sena għall-operat tagħha. Sa mill-bidu tagħha, id-Dar tal-Providenza serrħet fuq il-ġenerożità tal-komunità u għalhekk il-Maratona tal-Volleyball hija xi ħaġa aktar minn attività sportiva. 

Fil-bidu ta’ Ġunju, madwar 70 atleta bdew sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn jinkludu atleti mill-14-il sena ’l fuq, uħud minnhom għall-ewwel darba flimkien ma’ oħrajn li ħadu sehem f’għexieren ta’ maratoni matul is-snin! Tim ta’ coaches jassessjaw kull plejer b’sistema ta’ punti. Provi ta’ 12 u 24 siegħa huma parti mill-pjan ta’ taħriġ flimkien ma’ sessjonijiet ta’ taħriġ li jsiru taħt xemx tiżreġ. 

Il-prestazzjoni tal-atleti matul il-programm ta’ taħriġ tiddetermina min minnhom jagħmel parti mill-grupp finali ta’ 40, li eventwalment jieħdu sehem fil-maratona ta’ 53 siegħa volleyball. Ma’ dawn l-atleti jingħaqdu aktar minn 100 volontier li huma importanti għall-andament tal-maratona.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fid-Dar tal-Providenza bejn il-Ġimgħa 19 u l-Ħadd 21 ta’ Lulju. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi bi ħġaru biex jappoġġja l-plejers, jieħu gost bil-varjetà li jkun hemm imma aktar importanti huwa mħeġġeġ jagħmel id-donazzjoni tiegħu biex il-maratona ta’ din is-sena tkun suċċess!

L-attività se tkun inawgurata mill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, Dr Myriam Spiteri Debono nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju fis-6.30pm fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Fr Martin qal li “il-Maratona tal-Volleyball hija waħda mill-attivitajiet ewlenin għall-ġbir ta’ fondi sabiex id-Dar tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi residenzjali tagħha. Din l-attività tippromwovi wkoll il-volontarjat u tisħaq l-importanza ta’ dan fis-soċjetà Maltija. Barra minn hekk, il-maratona tinkoraġġixxi s-sehem fl-isports u trawwem stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu. Fl-aħħarnett, id-Dar tal-Providenza tħeġġeġ is-soċjetà biex tirrispetta dejjem il-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li tixirqilhom u toffrilhom l-istess għażliet u opportunitajiet li qegħdin hemm għal kulħadd.”

Min-naħa tiegħu s-Sur Charles Azzopardi qal li “l-ħidma tal-BOV mad-Dar tal-Providenza tmur lura s-snin u din is-sena, bħala parti mill-50 anniversarju tal-Bank aħna kburin li rridu nkomplu nibnu fuq din ir-relazzjoni. Id-Dar tal-Providenza tipprovdi servizz vitali għall-komunità tagħna u bħala BOV irridu nkomplu nespandu l-ħidma tagħna biex naraw li ċ-ċittadini kollha tagħna jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Il-Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza hija appoġġjata mill-BOV bħala l-isponsor ewlieni flimkien ma’ Pif Paf, PwC, CareMalta, Eurosport, Viba u PaviPama.

Dawk li jixtiequ jappoġġjaw din l-attività jistgħu jibagħtu donazzjoni fuq www.sabihlitaghti.org jew iċemplu fuq wieħed minn numri t’hawn taħt: 

€10 – 5160 2011

€15 – 5170 2012

€25 – 5180 2013

€50 – 5190 2070

€100 – 5130 2044