Il-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq jistiednu lil kulħadd għal katekeżi mifruxa fuq erba’ laqgħat immexxijin minn Prof. Paul Pace.
Is-suġġett ta’ din il-katekeżi għal matul ir-Randan hu l-Liżar ta’ Turin li jinsab fil-Katidral ta’ San Ġwann Battista, u li tiegħu ġiet esposta replika fil-Knisja ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Hu liżar tal-għażel li juri x-xbieha ta’ raġel li sofra trawma fiżika konsistenti mat-tislib. Huma ħafna dawk li jsostnu li dan hu l-liżar li fih kien mkeffen fih il-ġisem mejjet ta’ Ġesù Kristu.
Il-katekeżi tibda b’eżami tal-oriġini u s-sinifikat tal-Liżar matul is-snin. Se jiġu diskussa wkoll l-istudji u l-analiżi xjentifiċi rigorużi li saru fuqu u li jitfgħu dawl fuq kif iffurmat ix-xbieha li tidher fih. Fl-aħħarnett, l-eżamijiet forensiċi metikolużi li saru fuqu se jgħinu lill-Insara jifhmu aktar fil-fond il-passjoni ta’ Ġesù Kristu.
Kull katekeżi se ssir nhar ta’ Ġimgħa fis-6:30pm bejn it-23 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu 2024. Kull min hu interessat jista’ jattendi.