• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna 

  • Pussess tal-Kappillan Dun Reuben Micallef

    Parroċċa ta’ Pembroke

    21 ta’ Mejju 2017

    Għażiż Kappillan, Dun Reuben, Eċċellenza, għeżież membri ta’ din il-komunità u anke ħbieb ta’ Fr Reuben, mhux biss nilqagħkom imma huwa ta’ ferħ kbir għalija li nkun magħkom, naqsam magħkom din il-kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna.

    Il-Mulej iwegħedna li mhux se jħallina weħidna: “ma nħallikomx iltiema” (Ġw 14, 18). Waħda mill-mezzi li juża huwa li l-komunita jagħtiha ragħajja skont il-qalb tiegħu. Illum bin-nomina, il-ħatra u l-missjoni tal-kappillan il-ġdid, għeżież membri ta’ din il-parroċċa ddedikata lil Kristu Rxoxt ġewwa Pembroke, il-Mulej qed jgħidilkom: “ma nħallikomx iltiema”.

    Irid jispjega li se jkun magħna, se jkun preżenti fostna: “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18, 20). U allura meta minn hawn u ftit ieħor il-kappillan jgħidilna: “il-Mulej magħkom”, u aħna nirrispondu: “u miegħek ukoll”, hu jkun qiegħed jiġborna bħala komunità li bl-imħabba ta’ bejnietna, għax inkunu miġbura f’isem Ġesù, niġġeneraw u nwelldu l-preżenza tal-Mulej Irxoxt.

    Huma sinifikattivi ħafna l-waqfiet tar-rit li se nagħmlu immedjatament wara l-omelija, għaliex huma kollha jenfasizzaw modi differenti kif il-Mulej huwa magħna, kif il-Mulej ma jħalliniex iltiema. Il-kappillan jieqaf quddiem il-preżenza ħajja Ewkaristika ta’ Ġesù. Ġesù huwa magħna fil-Ġisem u d-Demm imqaddes tiegħu, il-Ġisem veru bir-ruħ, bid-divinità, huwa magħna għax huwa Għimmanu-El, Alla magħna.

    Huwa magħna meta titħabbrilna l-Kelma għax il-kelma li titħabbrilna hija l-kelma tal-Mulej. Meta nisimgħuha, ngħidu: “inroddu ħajr lil Alla”, “tifħir lilek, Kristu”, għax il-kelma li titħabbrilna mhijiex la tal-Isqof u la tal-kappillan; hija l-kelma tal-Mulej.

    Imma l-Mulej huwa preżenti wkoll waqt li qiegħed jaħfrilna dnubietna. Il-Mulej huwa dak li huwa preżenti qrib id-dgħufija tagħna, qrib il-ġerħat tagħna, u qiegħed preżenti biex isaffina, ifejjaqna u jaħjina. Jiena nawguralek, għażiż kappillan, li fil-missjoni tiegħek li l-Isqof qiegħed jafdalek f’idejk, inti tkun sinjal sabiħ tal-preżenza ta’ Ġesù.

    Bħalma jgħidilna San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu llum: “Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom” (1Pt 3, 15). Xi tfisser din l-espressjoni? Fil-qalb tiegħek, ir-re u s-sultan irid ikun Ġesù. Kemm hawn swied il-qalb, kultant traġiku, meta lil Kristu nkeċċuh minn qalbna u f’qalbna npoġġu allat foloz, li mhumiex Ġesù. Ġesù huwa dak li jagħti l-paċi, il-qdusija vera lill-qalb tagħna.

    Imma Pietru, li qed jikteb lill-Insara li qegħdin jgħixu f’ambjent pjuttost ostili, jifhem li jridu jispjegaw lis-soċjetà ta’ żmienhom għaliex għażlu lil Ġesù: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom” (v. 15). Din l-espressjoni turina li meta jiena npoġġi lil Ġesù fil-qalb tiegħi, it-tama tiegħek se tkun fih. Nies oħra jista’ jkun għandhom tamiet oħrajn, imma t-tama tan-Nisrani hija Ġesù.

    Mela li tqaddes lil Kristu f’qalbek u li tpoġġi fih it-tama tiegħek huma l-istess, ekwivalenti. Jiena nagħmel lil Ġesù sultan ta’ qalbi meta nittama fih, meta t-togħma ta’ ħajti ssir it-tama tiegħi għax it-tama tagħti t-togħma. Jekk jiena nittama fil-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, ħajti se jkollha togħma tal-ħwejjeġ tal-bnedmin, imma jekk it-tama tiegħi hija f’Ġesù, it-togħma ta’ ħajti se jkollha il-fwieħa ta’ Ġesù Kristu. 

    “Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom” (v. 16). Kemm huma kliem, mhux biss ta’ għerf, imma kliem li jridu jidderieġu anke d-djalogu tagħna ma’ min jew ma jemminx, jew min għal xi raġuni jew oħra kien magħna u telaq jew jarana bl-ikrah. Irridu “nwieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett filwaqt li nżommu safja l-kuxjenza tagħna”. Din il-grazzja li inti billejl torqod trankwill. Forsi jkollok għonqok juġgħek, imma tgħid: “għax għandi għonqi juġagħni, mhux għax ma nistax norqod għax m’għandix kuxjenza safja”. U hemm differenza. “Żommu safja l-kuxjenza tagħkom”.

    U jkompli, dan il-kliem li nkiteb elfejn sena ilu imma huwa attwali ħafna biex meta jgħidu fuqkom – illum għandna pjattaformi kbar biex jgħidu fuqna, bħal facebook, il-bloggs u t-tweets – “biex meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom, fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu” (v. 16). Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb millli għax tkun għamilt il-ħażin. Mela, l-għażliet tagħna huma ċari, il-Kelma t’Alla tiggwidana.

    Għażiż Kappillan, inti li inti msejjaħ biex tkun sinjal konkret tal-preżenza ta’ Ġesù, qatt taħbi l-ebda kelma tal-Mulej lill-poplu għażiż tiegħek. Il-poplu għandu d-dritt jitlob minnek kelma kuraġġuża, kelma ċara u kelma safja. Il-Mulej jagħtik ukoll kif għandek dak il-karattru ħelu, konkret, dejjem pożittiv, dejjem bit-tbissima li bih taf tant tajjeb tressaq lil ħafna nies lejn il-Qalb ta Ġesù, mhux lejk innifsek, imma lejn Ġesù. Għax inti wkoll trid tqaddes lill-Mulej Kristu fil-qalb tiegħek, inti wkoll trid iżżomm safja l-kuxjenza tiegħek, lill-komunità tiegħek inti wkoll trid tagħtiha tweġiba għat-tama li hemm tħabbat ma’ kull nifs ta’ ħajtek.

    “Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba dnubiet, hu li kien ġust, miet għall-inġusti”, għalfejn? “biex iressaqhom lejn Alla” (v. 18). Kemm hi ħaġa sabiha li aħna nirriflettu fuq dan il-għan tal-Għid il-Kbir. Il-Mulej għadda minn dan kollu “biex iressaqna lejn Alla” u inti hekk agħmel: ressaq lill-poplu ta’ din il-parroċċa għażiża, ta’ din il-lokalità żagħżugħa, lejn Alla. Il-Mulej kien “mogħi l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu” (v. 18). Inti tiltaqa’ miegħu msallab fit-tbatija li hawn fid-dinja, u hawn bosta, imma tarah ukoll irxuxtat fl-għemil it-tajjeb, fiż-żelu, fil-qdusija tal-komunità tiegħek.  

    “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu” (ara Ġw 14, 21). Jalla intom u tilqgħu lill-kappillan il-ġdid, tagħmlu din l-esperjenza sabiħa tal-imħabba tal-Mulej.

    L-aħħar ħsieb tiegħi hija talba, talba li fil-parroċċa ta’ Pembroke jkollna vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża u għall-ħajja saċerdotali. Meta se nagħmlu festa bil-kbir għall-ewwel żagħżugħ minn Pembroke li se jiċċelebra l-quddiesa l-ewwel darba fil-komunità minn fejn il-Mulej għażlu u sejjaħlu? Jiena nitlob illi t-talba speċjali bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca u nitfa’ fuqkom, fuq iż-żgħażagħ tagħna, barka speċjali mingħajr ma ninsa wkoll it-tfajliet, mhux għas-saċerdozju, imma għal ħajja reliġjuża. Tgħiduli: “l-velu jdejjaqni”, ma jimpurtax, tidra, tidra tkun ta’ Ġesù b’mod totali. Qed nara diversi sorijiet li ġew mistiedna: l-Ursolini u s-sorijiet ta’ Madre Tereża. Jiena nħajjar ukoll lit-tfajliet tal-parroċċa għax Ġesù jsejjaħ żgur, huma l-ġenituri li jitolbu t-talba għall-vokazzjonijiet li jridu jifirħu meta l-Mulej isejjaħ lil xi ħadd minn uliedhom għall-ħajja kkonsagrata.

    Jiena nirringrazzja lill-ġenituri tiegħek, għażiż Kappillan, li qegħdin hawn u l-Mulej tahom il-grazzja jarawk. Kappillan, inti għandek il-grazzja tarahom miegħek, nirringrazzjawhom bħalma nirringrazzja lill-ġenituri kollha tas-sagrifiċċji kollha li jagħmlu biex irabbu ’l uliedhom. U jekk jaħsbu li nsejthom, ngħidilhom li ma nsejtx liż-żgħażagħ li għandhom il-vokazzjoni qaddisa għaż-żwieġ Nisrani. Dak ukoll sagrament, dak ukoll sagrament li jibni lill-komunità. Il-kelma li ngħidilkom hija biex tgħożżu lil xulxin, agħżlu lil xulxin b’għajnejkom miftuha, u l-impenn li tieħdu, ħuduh bis-serjetà.

      Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Charlon Falzon