Fi tmiem Kunċert tal-Milied mill-Vox Dulcis Chorale, li sar is-Sibt, 14 ta’ Diċembru 2024, fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, Belt Vittoriosa, ġew inawgurati x-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-pittura It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija.
Dawn ix-xogħlijiet twettqu mill-Kumpanija ReCoop bl-għajnuna finanzjarja tal-Malta Arts Council u fuq l-inizjattiva tas-Soċjetà Storiko u Kulturali Vittoriosa, li kienet applikat għal fondi.
L-Altar ta’ Santa Marija twaqqaf fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz fl-1880. Il-pala d’altare tiegħu, li ġġib is-sena 1667, oriġinarjament kienet il-kwadru titulari tal-Oratorju tal-Assunta li, sa l-1877, kien jinsab maġenb il-Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, fejn illum hemm il-binja tal-Awla Kapitulari.
Fil-parti ta’ fuq ta’ dan il-kwadru naraw il-Verġni Marija, b’ħarsa qaddisa, tiġi mtella’ fis-Sema mill-anġli u l-kerubini. Fil-parti t’isfel, insibu lill-appostli mdawwrin madwar il-qabar vojt ta’ Marija. Il-figuri prominenti ta’ San Pietru u San Pawl huma miżmuma f’pożizzjonijiet ċentrali, bil-karatteristiċi simboliċi tagħhom taħt riġlejhom: l-imfietaħ u x-xabla rispettivament.
Minkejja li ma nafux min pitter dan il-kwadru, joħroġ biċ-ċar li l-artist kien ta’ stoffa għolja. Dan joħroġ ċar kemm mill-paletta ikkulurita li uża, kif ukoll mill-moviment iddettaljat li rnexxielu juri. Dawn il-kwalitajiet jagħmlu din il-pittura waħda mill-aktar xogħlijiet barokki sinifikanti fil-Gżejjer Maltin.
Sors: Newsbook Malta