l-membri tal-House of Commons Ingliża qablu li fl-Ingilterra u Wales għandha tidħol il-liġi li tawtorizza ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
B’400 vot favur u 175 vot kontra, din id-deċiżjoni wasslet biex il-partit Konservattiv ta’ David Cameron jinqasam fi tnejn. Filfatt, ħafna mill-Konservattivi, minħabba valuri morali u anke reliġjużi ma qablux li fl-2014 għandha tidħol din il-liġi.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, l-Isqof ta’ Portsmouth Philip Egan, qal li l-bidla proposta “ikollha konsegwenzi katastrofiċi għaż-żwieġ bħala istituzzjoni, għall-ħajja tal-familja fl-Ingilterra, għar-relazzjonijiet umani – mhux l-inqas fost iż-żgħażagħ”.
L-Isqof Egan qal li l-proposta tista’ teffettwa l-mod kif il-Knisja ġġib ruħha dwar iż-żwieġ ċivili. “Konsegwenza waħda tista’ tkun li l-Knisja jkollha tirtira mir-reġistrazzjoni ċivili taż-żwiġijiet, bħal f’xi pajjiżi Ewropej, fejn koppji jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ċivili qabel imorru jiżżewġu fil-Knisja”.
Intant, qabel ma ttieħed il-vot, il-Knisja Ingliża qassmet ittra lill-Membri tal-House of Commons, bir-raġunijiet għaliex m’għandhiex tidħol il-liġi.
Qalet li fil-liġi m’hemmx imsemmija t-tfal u l-gvern ta’ Cameron qatt mhu se jkollu l-poter li jbiddel id-definizzjoni taż-żwieġ, dan għaliex inkella jkollha tinbidel il-Kostituzzjoni tal-Ingilterra.
L-Isqfijiet spjegaw li ebda partit politiku ewlieni fl-Ingilterra, fil-programmi elettorali tiegħu, ma semma li se jgħaddi din il-liġi. Sostnew li ma kien hemm ebda referendum u li “din il-proposta tal-liġi se tiftaħ il-bieb għal iktar bidliet kruċjali”.
Spjegaw l-importanza taż-żwieġ u qalu li l-liġi se tkisser ir-relazzjoni li hemm bejn iż-żwieġ , is-sesswalità u r-responsabilità lejn it-tfal li jitwieldu fi ħdan iż-żwieġ”.
Il-Knisja Ingliża saħqet li meta qed titkellem fuq żwieġ bejn mara u raġel mhux qed tiddiskrimina lill-koppji tal-istess sess. Dan għaliex “it-tagħlim tal-Knisja stess jikkundanna d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali”. L-Isqfijiet komplew jisħqu li fil-preżent, fl-Ingilterra diġà hemm il-Liġi tal-Unjoni Ċivili li tagħti lill-persuni tal-istess sess l-istess drittijiet ta’ koppji eterosesswali.
L-Isqfijiet irrimarkaw ukoll li din il-liġi m’għandiex tiġi eżaminata f’temp ta’ ftit ħin minħabba li l-proċess ta’ diskussjoni dwar l-abbozz tal-liġi qed jingħad li se jdum għaddej madwar 9 xhur.
Il-Membri Parlamentari se jkomplu d-diskussjoni f’Mejju li ġej.