Tiftix

Qrib tiegħi, Mulej,

nisma’ t-tgeġwiġ ta’ leħnek

u jien infittxek fil-proxxmu tiegħi

li jħaffef biex jiltaqa’ miegħi

u jara fhiex ninsab

meta ninqabad kuljum

ġo l-isqaqijiet ta’ ħajti.

Infittxek fit-tenerezzi

li juruni u nirċievi.

Infittxek fil-bnedmin

li b’rieda soda

moħħhom fit-tjieba

u fis-solidarjetà!

B’qalbi kollha, Mulej, jien infittxek!

Qrib tiegħi, Mulej,

nilmaħ is-sinjali ta’ wiċċek

u nfittxek fit-talb u fis-skiet

fejn int tersaq tant qribi

li nħossok tmissni.

Infittxek fil-vanġelu tiegħek

li qed isejjaħli

biex inqum mill-ġdid.

Infittxek fil-ħobż u l-inbid,

sinjali tal-qawwa spiritwali fija

li tmexxini lejn il-Preżenza tiegħek

biex issostnini u tkabbarni fl-Ispirtu.

Infittxek fid-dixxipli umli tiegħek

li moħħhom biss

biex iqanqlu u jxerrdu mħabbtek fid-dinja!

Bil-fidi kollha tiegħi, Mulej, jien infittxek!