F’wieħed mill-aħħar editorjali ta’ Gian Maria Vian, direttur tal-gazzetta semi-uffiċjali tal-Vatikan, L’Osservatore Romano, wieħed isib riflessjoni u kummentarju dwar kliem il-Papa liż-żgħażagħ f’għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet il-Ħadd li għadda.
Ifakkar l-ewwel li f’nofs it-tieni jum tal-preżenza tiegħu f’Madrid fi Spanja, il-Papa jikkwota lill-filosfu Platun iħeġġeġ biex ‘wieħed ifittex il-verita sakemm għadu żagħżugħ, inkella, jekk ma jagħmilx hekk, iżjed tard jaf ikun tard wisq’.
“L-istedina tal-filosfu, li għex qabel Kristu, tiġbor sew is-sens tal-preżenza tal-Papa għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Bħala Professur tal-Universita, għal madwar sittin sena, Joseph Ratsinger iddjaloga mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u fehem it-tħassib tagħhom. Hu għalhekk li meta ltaqa’ma’Professuriżgħar fl-eta, il-Papa ried jiddedika taħdit dwar it-tiftixa għall-verita. Kien propju ftit jiem wara l-Kungress dinji tal-Universitajiet Kattoliċi f’Avila, il-belt ta’ Santa Teresa ta’Ġesu, li Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja. Il-laqgħa ma kinitx pjan tal-aħħar ħinijiet. Lanqas il-laqgħa mar-reliġjużi nisa, li laqgħu lill-Kap tal-Knisja Kattolika b’entużjażmu u affett qawwi.
“Dwar l-isfida tat-tiftix għall-verita, il-Papa spjega li hi għal kulħadd. Qal li anki l-mezzi internazzjonali tal-istampa u x-xandir taw attenzjoni għal dan. Kien biss f’xi każi deskritti bħala eċċezzjonijiet li kien hemm programmi jew aċċenn għall-protesti ta’xi wħud b’rabta mal-ispejjeż taż-żjara tal-Papa.
“L-aħbar tassew kienet hemm – il-Papa rnexxielu jgħaqqad żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha f’Madrid sabiex jinkoraġġihom fil-fidi, bit-tama li jmissilhom qalbhom, anki lil dawk imbiegħda mill-Knisja, f’soċjeta mimlija ansjeta u li l-ħin kollu qed tagħmel it-tiftix tagħha fil-medjokrita. Il-punt ta’ referenza jibqa’Kristu, l-uniku ħabib li qatt ma jiddiżappunta u li l-Papa jibqa’ jsemmi u jirreferi għalih”, temm jghid Gian Maria Vian.
Sadattant, kif imhabbar mill-Papa, il-Jum Dinji li jmiss sejsir fl-2013 f’Rio de Janiero fil-Brazil.