Għar-Randan ta’ din is-sena 2024, qed nipproponi li nirriflettu fuq ħames doni, valuri, li Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali, nissel u fakkarna fit-tieni strofa tal-Innu Malti. Dawn il-ħames rigali, dawn il-ħames doni tal-Mulej, infatti lill-Mulej ngħidulu, “Agħti kbir Alla” huma d-dehen, il-ħniena, s-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
L-ewwel riflessjoni tiegħi hija dwar id-don tad-dehen. Id-dehen huwa l-kapaċità li wieħed jifhem, jagħraf u jiddeċiedi li jagħżel it-tajjeb u jevita l-ħażin; dak huwa l-veru dehen. Id-dehen huwa ħu l-għerf. Għaliex id-dehen jgħallimna nagħrfu, x’inhi t-triq tas-sewwa. “Il-bniedem, mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Il-kelma li toħroġ mill-fomm, mill-qalb ta’ Alla, hija kelma ta’ għerf, mhix kelma ta’ bluha; kelma li se tagħmillek dejjem il-ġid.
Id-dehen iwassal biex il-fehma tal-bnedmin tkun fehma safja. Ejjew nitolbu għad-don tad-dehen, mhux biss għal min jaħkem imma għal kull min għandu responsabbiltà. U aħna, l-aħwa, għandna responsabbiltà għal xulxin. Allura llum nitolbu ħafna għal min għandu kull awtorità fl-Istat, fil-Knisja, imma anke fil-familja, u fuq il-lant tax-xogħol. Aħna lkoll għandna bżonn id-dehen biex nagħmlu għażliet tajba biex ikollna għażliet ta’ għerf u għaqal.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta