Fl-istess ħin, ir-riżultat f’Malta u f’xi pajjiżi oħra jinkwetana minħabba l-fatt li l-ideoloġiji tal-lemin estrem irnexxielhom jiġbru numru konsiderevoli ta’ voti u jeleġġu membri fil-Parlament Ewropew. Fost raġunijiet oħra, din il-ħaġa tinkwetana għax dawn il-persuni jħaddnu ideoloġija ta’ mibegħda lejn min hu l-aktar dgħajjef fis-soċjetà tagħna. Din mhix kwistjoni ta’ libertà tal-espressjoni, iżda ideoloġija mibnija fuq il-biża’, perċezzjonijiet żbaljati, nuqqas kbir ta’ informazzjoni u attitudni negattiva lejn persuni li huma differenti fis-soċjetà. Il-libertà tal-espressjoni ġġib magħha responsabbiltà fuq min qiegħed iwassal u jirċievi l-messaġġ. Ħadd m’għandu dritt iweġġa’ lil ħaddieħor u jinħeba wara d-dritt tal-espressjoni.
Inħossu li l-messaġġ li tana San Ġwanni Pawlu II, qabel ma telaq minn Malta fis-sena 2001, ma jistax ikun iktar relevanti: “Malta qiegħda fiċ-centru tal-Mediterran. Għalhekk intom għandkom vokazzjoni unika biex tibnu pontijiet bejn il-popli tal-Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq it-tisħiħ tad-djalogu u ftehim bejn kulturi u reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjoni tagħkom ta’ ospitalità, u komplu fl-impenn tagħkom nazzjonali u internazzjonali fl-interess tal-ħelsien, ġustizzja u paċi”.
Jalla, aħna l-Insara Maltin, nidħlu fil-fond tal-messaġġ ta’ Kristu u nkunu xhieda tal-ospitalità u tal-imħabba lejn kulħadd, ikun min ikun, biex hekk inkunu minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tal-ġustizzja u tas-solidarjetà fl-Ewropa.
Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw lis-sitt membri Maltin li ser jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew, għall-ħidma tagħhom fil-ġejjieni. Nixtiequ nfakkruhom li l-Unjoni Ewropea hi l-ewwel u qabel kollox proġett ta’ paċi u li huma għandhom id-dmir li dejjem ipoġġu d-dinjità tal-persuna fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li ser jieħdu.