Is-sitt riflessjoni dwar Patris Corde tal-Papa Franġisku hi mill-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma fuq it-tema Ġużeppina ‘Ħajja li tħalli l-frott permezz ta’ xogħol idejh.’ L-Isqof Teuma jitkellem dwar l-onestà fix-xogħol u fuq il-post tax-xogħol, u dwar kif ix-xogħol innifsu jagħti dinjità li jmur oltre l-ħlas monetarju. Ġużeppi hu eżempju ta’ kif tkun ħaddiem, mhux għall-flus biss, imma għax il-ħidma mill-qalb, ix-xogħol bħala qadi u att ta’ ġenerożità, hu l-mod konkret kif nikkoperaw mal-pjan ta’ Alla fil-ħolqien u noffru għajnuna lill-proxxmu.

Dawn ir-riflessjonijiet huma parti minn sensiela ta’ filmati, li tħejjew minn Behold, li hu proġett ta’ Pastorali Bibblika u Liturġika fi ħdan il-Vigarjat għall-Evanġelizzazzjoni, għal tmiem is-Sena Ġużeppina 2020-2021. Is-Sena Ġużeppina tnediet mill-Papa Franġisku permezz tal-Ittra Appostolika Patris Corde. Din l-ittra tmiss ma’ seba’ temi mill-ħajja tal-maħbub San Ġużepp.


Għal iktar tagħrif dwar Behold, żur il-paġna ta’ Facebook jew Instagram, fejn tista’ ssib akkumpanjament fit-talb kuljum. Agħfas hawn biex tinkiteb fin-newsletter li tintbagħat darba fil-ġimgħa bi tħejjija għall-Ħadd. Tista’ tibgħat il-mistoqsijiet u s-suġġerimenti tiegħek fuq [email protected].