“Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa.”  Ġw 8:36

F’Ħadd il-Palm nisimgħu dwar ir-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù, kif ukoll id-daħla tiegħu f’Ġerusalemm waqt il-purċissjoni bil-friegħi, li ssir qabel ma nibdew il-quddies. 

Fl-antik il-friegħi tal-palm kienu simbolu ta’ rebħa. Fit-Testment il-Qadim, insibu li l-palm kien jintuża f’okkażjonijiet ta’ festi, ferħ u vittorja. Infatti s-slaten kienu jiġu milqugħin bi friegħi tal-palm mifruxin quddiemhom. U fil-kultura Griega antika l-atleti rebbieħa tal-Olimpijadi kienu jiġu ppremjati bil-friegħi tal-palm minbarra l-kuruna bil-weraq tar-rand jew taż-żebbuġ. 

Interessanti li fl-arti medjevali l-martri kienu jpinġuhom bil-friegħi tal-palm f’idejhom għaliex huma simbolu tar-rebħa tal-ispirtu fuq il-ġisem, tat-tajjeb fuq il-ħazin. Is-siġra tal-palm hija wkoll ikkunsidrata bħala ‘siġra tal-ħajja’ għaliex tiflaħ tikber f’kundizzjonijiet ħorox u tipprovdi kważi dak kollu li għandek bżonn biex tgħix fi klimi tropiċi bħal ikel, xorb, kenn, ħwejjeġ u iktar. 

Però x’inhi r-rabta mal-purċissjoni f’Ġerusalemm? Ġesù jiġi milqugħ bħala re, iżda wkoll bħala martri qabel isalva d-dinja mid-dnub permezz tal-mewt tiegħu fuq is-salib. Huwa propju minħabba l-passjoni tiegħu li s-salib isir is-siġra tal-ħajja li ttina t-tama li ngħixu għal dejjem. 

Il-palm ifakkarna fil-ħelsien li Ġesù qed jistedinna ngħixu, għaliex fl-imħabba bla kundizzjoni, jieħu d-dnubiet kollha tiegħi u tiegħek – li għamilna fil-passat, li qed nagħmlu fil-preżent u li għad nagħmlu fil-futur – u jgħaddi mill-mewt għall-ħajja. B’din ir-rebħa assoluta, għandna tama li nkunu salvati u nidħlu f’eternità miegħu.

Kif nista’ nagħmel post ikbar  għal Ġesù ħalli nħallih jaħdem fija u nsir iktar bħalu? Matul il-ġurnata nagħmel sforz biżżejjed biex inqarreb ħajti lejn dik tal-martri u ma ninġarrx mal-kurrent? Kemm qed nibbaża l-valuri tiegħi fuq Ġesù?