Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi
Is-salib nassoċjawh mal-Għid minħabba r-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt permezz tal-qawmien tiegħu iżda mhux minn dejjem kien simbolu tal-fidi Nisranija. Is-simboli li kienu jużaw l-ewwel Insara biex jidentifikaw lilhom infushom ma’ Kristu kienu l-ħaruf, l-ankra u anki l-ħuta. Imbagħad kien fi żmien l-Imperatur Kostantinu li s-salib beda jintuża bħala simbolu tal-fidi Nisranija, wara li kellu viżjoni ta’ salib bil-kliem: “B’dan is-sinjal inti tirbaħ”.
Bl-immaġni tas-salib nirriflettu fuq il-brutalità tal-mewt ta’ Ġesù u forsi nibdew insaqsu lilna nfusna għaliex Alla ppermetta li jħallih imut b’dak il-mod minflok jeqred l-għedewwa tiegħu.
Nafu però li kien neċessarju fil-pjan t’Alla li jmut biex jirbaħ it-tajjeb fuq il-ħażen. Kienet l-‘iva’ ta’ Ġesù għall-passjoni li għamlitha possibbli li jkun hemm konnessjoni bejn id-dinja u l-ġenna. Għalhekk, is-salib mhuwiex biss simbolu, imma permezz tiegħu niftakru fil-passaġġ li kellu jgħaddi minnu Ġesù sabiex jinħafru d-dnubiet. Mingħajr maħfra d-dnubiet iwasslu għall-mewt u din hija s-salvazzjoni li fil-mixja tal-fidi ttina tama għal ħajja ġdida.
Ma nafx intom, imma meta nirċievi aħbar tajba, inkun irrid naqsamha ma’ kulħadd. Bl-istess mod, aħna msejħa naqsmu l-fidi ma’ ta’ madwarna bħala esperjenza ta’ tama, ferħ, paċi, u dawl, anki wara li jgħaddi r-Randan. Matul is-sena għandna l-opportunità nkunu xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù, li wasslitu biex jagħti ħajtu għalina biex ikun jista’ jkollu relazzjoni magħna l-midinbin.
Kemm jien konxju mid-differenza li jista’ jagħmel f’ħajti Ġesù jekk nemmen li miet għalija biex nesperjenza l-ħajja ta’ dejjem? Xi tfisser għalija li jkolli relazzjoni ma’ Ġesù u ngħix bħala persuna ħielsa fl-imħabba u l-verità?