Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin, Papa Franġisku wassal messaġġ speċjali lil madwar kwart ta’ miljun persuna miġbura quddiemu fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Qalilhom li huma “rigal u teżor għall-Knisja”. Ħafna minn dawk preżenti kienu membri ta’ movimenti u komunitajiet ekkleżjali ffurmati minn lajċi kattoliċi li l-Papa stieden għal ċelebrazzjoni ta’ Pentekoste flimkien miegħu f’din is-Sena tal-Fidi.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Pentekoste, jew Għid il-Ħamsin, issir appuntu ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir biex tiċċelebra l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli u t-twelid tal-Knisja. Din iċ-ċelebrazzjoni ġġib fi tmiemu l-istaġun tal-Għid, biex mil-lum il-Knisja reġgħet għal-liturġija ta’ Matul is-Sena.
Meta kien qed jitkellem wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija qabel ma ta l-barka tiegħu, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li “b’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ fidi, li bdiet bil-Vġili u leħqet il-qofol tagħha fl-ewkaristija tal-Ħadd, Pentekoste ġdida biddlet Pjazza San Pietru” f’esperjenza partikolari fejn kulħadd għex mill-ġdid dak li għaddiet minnu l-Knisja tal-bidu – speċjalment meta l-appostli kienu jiltaqgħu jitolbu flimkien ma’ Marija, omm Ġesu. Kompla li “fil-kariżmi differenti tagħna, ilkoll esperjenzajna s-sbuħija ta’ din l-għaqda, li lkoll inkunu ħaġa waħda. Din hija l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li dejjem iġedded l-għaqda fi ħdan il-Knisja”.
Papa Franġisku kompla billi rringrazzja lill-Movimenti, Assoċjazzjonijiet, komunitajiet u gruppi ekkleżjali li sejħilhom mill-ġdid “rigal u teżor għall-Knisja”.
Waqt li sellem lil dawk li ġew Ruma minn pajjiżi ‘l bogħod, ħeġġeġ sabiex kulħadd iġorr miegħu l-qawwa tal-vanġelu u ma jibżax.