Matul is-snin, il-proprjetà tal-Azzjoni Kattolika fiż-Żurrieq ġarrbet xi ħsarat u kellha bżonn manutenzjoni u rinovazzjoni estensiva sabiex terġa’ ssir sigura u akkoljenti għall-ħidma li qed issir maż-żgħażagħ. Għaldaqstant, l-Azzjoni Kattolika Maltija applikat b’suċċess għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġett ta’ €30,000: Reviving a safe space for youth formation and development in Żurrieq through infrastructural investment. Dan il-proġett ġie kofinanzjat taħt Miżura 2: Strengthening a Healthy Cultural Identity tal-programm Leader, amministrat mill-Gal Xlokk Foundation.

L-Azzjoni Kattolika Maltija ngħatat ukoll €7,500 mill-iskema tal-Co-Financing Fund maħruġ mill-Malta Council for the Voluntary Sector. Permezz tal-iskema Irrestawra Darek maħruġa mill-Planning Authority, l-Azzjoni Kattolika Maltija wettqet xogħlijiet ta’ restawr tal-aperturi tal-faċċata. Permezz ta’ dawn il-fondi, is-somma ta’ madwar €11,000 li l-Azzjoni Kattolika ħarġet għal dan il-proġett, kif ukoll xi donazzjonijiet minn benefatturi u voluntiera, seta’ jsir restawr tal-ġebel tal-faċċata u ta’ parti mill-bitħa, manutenzjoni tas-soqfa u membrane fuq il-bjut kollha u t-terazzin, restawr tal-gallarija tal-injam u wħud mill-aperturi, kif ukoll inbidlet il-kamra tal-banju sabiex din tkun attrezzata aħjar għall-bżonnijiet tal-lum.

Ikompli l-legat ta’ Dun Ġużepp Zammit Falzon fiż-Żurrieq

Dun Ġużepp Zammit Falzon (15.04.1895 – 16.04.1964) twieled, għex, serva u miet fir-raħal taż-Żurrieq. Apparti li serva l-Parroċċa taż-Żurrieq bħala qassis eżemplari, Dun Ġużepp ħadem qatigħ għat-tisħiħ tal-parroċċa u tal-Azzjoni Kattolika Maltija, u kien rispettat kemm għal ħidmietu kif ukoll għall-valuri li kien jippersonifika. Hu għaraf ir-rwol tal-lajċi fil-poplu t’Alla u għen sabiex tingħata l-ħajja lill-Azzjoni Kattolika Maltija fir-raħal taż-Żurrieq. Tant hu hekk li Dun Ġużepp Zammit Falzon offra l-proprjetà fi Triq San Mikiel, iż-Żurrieq, f’liema proprjetà hu għex u miet, għall-użu tal-Azzjoni Kattolika Maltija fiż-Żurrieq.

Maż-żmien, l-Azzjoni Kattolika Maltija għarfet il-bżonn li ż-Żurrieq ikollha ċentru għaż-żgħażagħ u l-proprjetà ospitat liż-żgħażagħ Żrieraq għal diversi għexieren ta’ snin. Hawnhekk, iż-żgħażagħ sabu post ta’ rifuġju wara l-ħin tal-iskola jew xogħol, fejn setgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ edukazzjoni informali u non-formali, li kkontribwixxew għall-iżvilupp personali, mentali, emozzjonali, soċjali u spiritwali tagħhom. Dak kollu li jiġi mwettaq hu ispirat mill-Kelma t’Alla.

L-attivitajiet organizzati fiż-ŻAK jiffokaw fuq il-ħiliet tal-komunikazzjoni, it-tmexxija, il-ħidma f’tim, il-ħsieb kritiku, l-immaniġjar tar-riżorsi bħalma huma l-ħin u l-flus, kif ukoll it-twettiq tal-inizjattivi u l-attivitajiet maħluqin miż-żgħażagħ stess. Dawn il-ħiliet huma relevanti kemm għall-ħajja personali u dik professjonali. Barra minn hekk, l-attivitajiet huma spirati mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u azzjoni ċivika, b’hekk irawmu fiż-żgħażagħ sens ta’ responsabbiltà u kontabilità lejn is-soċjetà u valuri nsara. Matul dawn l-attivitajiet, iż-żgħażagħ taż-Żurrieq u l-madwar bnew ħbiberiji li sostnew barra miż-ŻAK, inkluż ħbiberiji ma’ persuni barranin li ma kinux jiltaqgħu magħhom kieku ma kienx permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fiċ-ċentru taż-ŻAK.

L-għan aħħari tal-Azzjoni Kattolika Maltija huwa li ċ-ċentru taż-Żurrieq ikompli jkun post sigur u addattat għaż-żgħażagħ tal-lum, sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’laqgħat u attivitajiet tal-grupp li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ħolistiku tagħhom. B’hekk jitkompla l-legat ta’ Dun Ġużepp Zammit Falzon fiż-Żurrieq. Bħal kull għaqda volontarja oħra, matul l-2020 iż-ŻAK Żurrieq għadda minn perjodu diffiċli minħabba l-pandemija u għamel xi żmien magħluq minħabba n-nuqqas ta’ membri u mexxejja. Minkejja l-isfidi li ffaċċjaw, grupp ġdid għal żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq reġa’ twaqqaf fl-2023. Għaldaqstant, ŻAK Żurrieq qed jistieden liż-żgħażagħ li twieldu fl-2007 jew qabel (16+) biex jattendu għal-laqgħat li jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-7pm u d-9.30pm, f’dan iċ-ċentru fi Triq San Mikiel.

Il-Ftuħ Uffiċjali

L-Azzjoni Kattolika Maltija flimkien ma’ ŻAK Żurrieq, qed jistiednu liż-żgħażagħ, il-ġenituri u persuni oħra interessati li jżuru ċ-ċentru biex jaraw ix-xogħol li twettaq permezz ta’ dan il-proġett, kif ukoll jiskopru aktar dwar il-gruppi u l-attivitajiet taż-ŻAK fiż-Żurrieq, biex jattendu għaċ-ċelebrazzjoni uffiċjali li ser issir fl-istess ċentru taż-ŻAK li jinsab fi 38, Triq San Mikiel, fiż-Żurrieq, nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar. Fil-5pm se jkun hemm il-ftuħ uffiċjali, filwaqt li se tiġi ċċelebrata quddiesa fis-6pm. Wara se jkun hemm riċeviment informali.

Jekk tixtieq li b’xi mod tgħin lill-Azzjoni Kattolika f’dan il-proġett partikolari, tista’ tikkuntattjana fuq [email protected] jew iċċempel s-Segreterija tal-Azzjoni Kattolika fuq 2122 2239. Tista’ ukoll tagħti donazzjoni fi flus bil-BOV Pay fuq 7956 3681 jew b’depożitu fil-kont tal-BOV (IBAN: MT94VALL 22013000 00004002 3865169) jew fil-kont tal-APS (IBAN: MT10APSB 77046004 25502000 0217651). L-Azzjoni Kattolika hi rreġistrata mal-Malta Council for the Voluntary Sector (VO/1743).