-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech, Mons. Joe Galea Curmi u Mons. Simon Sanchez jilqgħu lill-E.T. l-Arċisqof Alessandro D’Errico, in-Nunzju Appostoliku l-ġdid, mal-wasla tiegħu lbieraħ, il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu 2017, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Mons. Alessandro D’Errico twieled f’Frattamaggiore f’Napli l‑Italja, fit‑18 ta’ Novembru 1950. Ġie ordnat saċerdot fl‑24 ta’ Marzu 1974 u ħadem fid‑Djoċesi ta’ Aversa. Għandu Dottorat fil‑Filosofija.
Huwa studja fl‑Akkademja Pontifiċja Ekklesjastika f’Ruma u ngħaqad mas‑Servizz Diplomatiku tas‑Santa Sede fil‑5 ta’ Marzu fl‑1977. Serva fin‑Nunzjatura tat‑Tajlandja, il‑Brażil u l‑Greċja. Wara serva fil‑Prefettura della Casa Pontificia, u wara kien rappreżentant tal‑Papa fl‑Italja u l‑Polonja.
Fl‑14 ta’ Novembru tal‑1998 inħatar Arċisqof Titulari ta’ Carini u Nunzju Appostoliku fil‑Pakistan.
Fil‑21 ta’ Novembru 2005 nħatar Nunzju fil‑Bożnija‑Ħerzegovina.
Fis‑17 ta’ Frar 2010 nħatar Nunzju fil‑Montenegro.
Fil‑21 ta’ Mejju 2012 nħatar Nunzju fil‑Kroazja.
Mons. D’Errico, bħala rappreżentant tal‑Papa, għandu r‑responsabilità li jirrappreżentah mal‑Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal‑awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id‑Dekan tal‑Korp Diplomatiku akkreditat għar‑Repubblika ta’ Malta.
Id‑dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall‑Isqfijiet, isaħħaħ l‑għaqda mas‑Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir‑relazzjonijiet bejn is‑Santa Sede u l‑Gvern ta’ Malta.
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja