Il-Papa Ġwanni Pawlu II dejjem ħa l-penitenza b’serjeta kbira, kien iqatta’ ljieli mixħut minn tulu għall-qiegħa tal-art, kien isum qabel l-ordinazzjoni saċerdotali u episkopali u kien jiflaġella lilu nnifsu. Dan iddikjarah il-promutur tal-kawża tal-kanonizzazzjoni tiegħu Mons Slawomir Oder.
Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fit-tnedija tal-ktieb WHY HE’S A SAINT: THE REAL JOHN PAUL II ACCORDING TO THE POSTULATOR OF HIS BEATIFICATION CAUSE, Mons Oder qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien juża l-mortifikazzjoni fuqu nnifsu fost affarijiet oħra biex jipperfezzjona lilu nnifsu.
Aktar kmieni żewġ siti tal-internet Taljani irrappurtaw li kienet imsemmija xi data f’Ottubru għall-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Mons Oder, sadattant qal li xejn ma jista’ jkun ikkonfermat sakemm it-tobba, it-teoloġi u l-kardinali fi ħdan il-Kongregazzjoni għall-kawżi tal-qaddisin jaċċettaw miraklu bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II u sakemm il-Papa preżenti jiffirma digriet b’rikonoxximent min-naħa tiegħu.
Il-ktieb ta’ Mons Oder, ippubblikat biss fil-lingwa Taljana, hu bbażat fuq dak li rriżulta mid-dokumenti miġbura fil-proċess tal-beatifikazzjoni, u partikolarment mix-xiehda taħt ġurament li ngħatat minn 114-il persuna li kienu jafu lill-Papa Ġwanni Pawlu II personalment u li taw testimonjanza quddiem it-tribunal djoċesan ta’ Ruma li qed jinvestiga l-qdusija tal-Papa mibki.