• RTK 4 Charity – Familji fil-Bżonn

  • Fetħet il-Kampanja tal-Milied RTK 4 Charity b’risq Familji fil-Bżonn.   Din hija l-20 sena li Radju RTK ilu jorganiżża din il-Kampanja, u li minnha jibbenefikaw tfal ġejjin minn Familji fil-Bżonn f’Malta u f’Għawdex, kif ukoll tfal Refuġjati li bħalissa hawn f‘pajjiżna. Parti mid-donazzjonijiet ta’ din il-Kampanja jmorru wkoll għad-Dar tal-Kleru.
     
    Mons Victor Zammit McKeon, direttur Uffiċċju Ċentrali Djar tat-Tfal qal li jekk xi darba din il-Kampanja ma ssirx, l-Uffiċċju Ċentrali Ejjew Għandi ma jkunx f’posizzjoni li ta’ kull xahar joffri l-għajnuna kontinwa lil dawn il-familji. ‘‘Il-programm ta’ għajnuna jkollu jieqaf’’ qal Mons Zammit McKeon u żied li ‘’għalina importanti li naraw li dawn it-tfal li jkunu f’ċertu familji, almenu ikollhom l-ikel meħtieġ li jgħinhom fl-iżvilupp u fit-trobbija tagħhom’’.
     
    Fr Alfred Vella, li jieħu ħsieb it-Taqsima tar-Refuġjati, fisser li fil-preżent hawn eluf ta’ persuni li daħħlu Malta ifittxu kenn u li għandhom bżonn l-għajnuna. “Ma’ dawn il-persuni tiltaqa’ ma’ kollox – tbatija u sfruttament”. Kif joħorġu mid-detenzjoni jmorru it-Taqsima Refuġjati ifittxu l-għajnuna. Il-flus li tieħu t-Taqsima minn din il-Kampanja imorru biex jinxtraw mediċina bżonnjużi li ma jingħatawx mill-isptar.
     
    RTK 4 Charity Familji Fil-Bżonn tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd 22 ta’ Diċembru  waqt party speċjali li se  jsir mid-9.30am sa nofsinhar fl-Auditorium fis-Seminarju f’Tal-Virtu’ fir-Rabat għal madwar 300 tifel u tifla ġejjin minn Familji fil-Bżonn kif ukoll għat-Tfal Refuġjati f’Malta. Għal dan il-party jattendi wkoll Mons Arċisqof Pawlu Cremona O.P. kif wkoll Father Christmas li jqassam ir-rigali.
     
    Nhar il-Ħamis 5 u l-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru, studenti mill-fakulta’ tat-teoloġija jingħaqdu f’din il-Kampanja billi jorganiżżaw jumejn ta’ attivitajiet fuq il-Campus, bit-tema: Make My House a Home.
     
    Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru fl-uffiċċju ta’ Radju RTK fil-Blata, jew permezz tat-telefon billi ċċempel:

    516 02 040 għal donazzjoni ta’ € 10
    517 02 041 għal donazzjoni ta’ € 15
    518 02 042 għal donazzjoni ta’ € 25
    SMS 506 18921 għal donazzjoni ta’ €7

     
    Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru ukoll fil-Kontijiet Bankarji ‘’Kampanja RTK – Familji fil-Bżonn’’  tal- APS Bank,  Bank Of Valletta,  u HSBC          

    APS      Account    105 43110022
    BOV      Account    400 10162286
    HSBC   Account    033 157108050