Is-Santa Sede qalet li saħħet il-Papa Franġisku, marret ftit għal aħjar.
Intqal li llum ma kien hemm l-ebda episodju ta’ diffikultà respiratorja simili għall-ażma, u xi testijiet tal-laboratorju wrew titjib. Kompla jintqal li t-terapija bl-ossiġnu kompla, għalkemm bi fluss kemmxejn inqas u anke anqas livelli ta’ ossiġnu.
Filgħodu, il-Papa rċieva l-Ewkaristija, filwaqt li wara nofsinhar, kompla bix-xogħol tiegħu.
Filgħaxija, huwa ċempel lill-kappillan ta’ Gaża biex jesprimi l-qrubija paterna tiegħu.
Il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Poplu ta’ Alla, li f’dawn il-jiem inġabar biex jitlob għal saħħtu.
Il-Vatikan ħabbar li mil-lejla se tibda torganizza t-talba tar-Rużarju kuljum għas-saħħa tal-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru fid-9pm. L-ewwel sessjoni se tkun immexxija mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin.
Ir-rużarju mqaddes għall-bżonnijiet tal-Papa se jkun qed jixxandar illejla fuq Newsbook Malta u RTK 103.
Sors: Newsbook Malta