L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1:17). Din hija l-espressjoni li Ġesù juża fl-Evanġelju, u li aħna issa midħla tagħha, imma meta Ġesù użaha hawnhekk, ma kinux jitkellmu dak iż-żmien fuq “sajjieda tal-bnedmin”. Hawnhekk għamel is-sejħa lil Xmun u ħuh Indrì, li kienu sajjieda, u qalilhom biex jiġu warajh u jagħmilhom sajjieda tal-bnedmin, u lil Ġakbu wkoll u lil Ġwanni li wkoll kienu fid-dgħajsa. Hija s-sejħa ta’ dawn l-erbgħa biex isiru sajjieda tal-bnedmin. Nixtieq li naraw din is-sejħa kif jagħmel Ġesù, u hemmhekk naraw ukoll dak li jrid jgħid lilna fil-ħajja tagħna.

L-ewwel nett, l-Evanġelju jurina li hu Ġesù li jsejjaħ. Ħadd ma jmur hawnhekk jippreżenta ruħu quddiemu biex jimxi warajh. Is-sejħa hija dejjem tiegħu. U lil min isejjaħ? Din tolqotna mal-ewwel: li Ġesù jsejjaħ lil nies ta’ ħajja ordinarja, ta’ ħajja sempliċi, fil-post tax-xogħol tagħhom. Ġesù ma marx isejjaħ lil nies li kellhom awtorità ċivili, xi poter; lanqas nies li kellhom awtorità reliġjuża; lanqas nies li kienu sinjuri jew nies ta’ influenza fis-soċjetà, imma sejjaħ lil nies ta’ ħajja ordinarja. U fejn sejħilhom? Fil-post tax-xogħol tagħhom. Ma ltaqax magħhom fis-sinagoga jew fit-tempju jew f’xi post partikulari, imma waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Li tolqotna ħafna f’din is-sejħa ta’ Ġesù hija kif meta sejħilhom, dawn is-sajjieda “telqu x-xbiek u marru warajh” (Mk 1:18). Hija l-ġenerożità ta’ dawn, imma wkoll hija l-fiduċja f’Ġesù. Għalhekk marru warajh. Ġesù ma tantx tahom dettalji. Ma tahomx xi programm biex jarawh qabel u jaqblu miegħu. Imma kienet biss is-sejħa. U huma, għax kellhom fiduċja fih, telqu kollox u marru warajh.

U x’għamel Ġesù? Ġesù ttrasformahom. Mhux f’daqqa. Kellhom id-difetti u l-limitazzjonijiet tagħhom dawn id-dixxipli, imma Ġesù ttrasformahom biex minn sajjieda jsiru sajjieda tal- bnedmin. Imma, fl-istess waqt, ittrasforma wkoll b’mod pożittiv ħafna t-talenti li huma kellhom. Tolqotni ħafna f’din is-silta meta ssemmi dawn is-sajjieda: tnejn minnhom kienu “qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar” (Mk 1:16). U t-tnejn l-oħra kienu “qegħdin isewwu x-xbiek” (Mk 1:19). U Ġesù uża dawn ukoll biex ’il quddiem ikunu funzjonijiet importanti fil-komunità stess li hi l-Knisja – kemm fil-ħidma tagħha ’l barra, li tkala x-xbiek ’il barra, jiġifieri li tasal għand nies ġodda; imma wkoll il-ħidma li ssewwi x-xbiek, jiġifieri l-ħidma li tfejjaq il-ġrieħi fi ħdan il-komunità, li kienet dejjem meħtieġa u għadha meħtieġa llum, li ssewwi t-tiċrita li jkun hemm fi ħdan il-komunità. Għalhekk, dak li kienu jagħmlu bħala sajjieda Ġesù ttrasformah biex jagħmluh bħala sajjieda tal-bnedmin. Aħna nafu kif, eventwalment, meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, dawn kienu verament sajjieda tal-bnedmin. U fil-ħidma tagħhom mifruxa, laħqu ħafna nies biex jiltaqgħu ma’ Ġesù.

X’inhu l-messaġġ għalina f’dan, meta nħarsu lejn dawn is-sajjieda tal-bnedmin li għażilhom Ġesù? Ħafna drabi, aħna norbtu dan l-Evanġelju, u nagħmlu sew, mal-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Huwa veru, għax vokazzjoni tfisser sejħa minn Ġesù, u titlob ħafna ġenerożità u fiduċja. Għandna bżonn nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Imma hawnhekk, apparti dan li hu aktar speċifiku, hemm ukoll is-sejħa li jagħmel Ġesù lilna lkoll bħala dixxipli, biex aħna minn dixxipli nsiru wkoll dawk li naslu għand l-oħrajn u nressquhom lejn Ġesù. Din hi s-sejħa li jagħmlilna kulfejn inkunu, bħalma hawn Ġesù sejjaħ lil min kien qed jaħdem bħala sajjied, Ġesù jsejjaħ lilna kulfejn inkunu fil-ħidma tagħna, u jsejħilna biex aħna nkunu dixxipli tiegħu, nimxu warajh b’fiduċja, imma naslu wkoll biex ngħinu nies oħra jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna nilqgħu din is-sejħa tiegħu, biex inqiegħdu dejjem il-fiduċja tagħna fih, konvinti li hu lilna jagħtina tassew il-grazzja u jibdilna fejn meħtieġ, ħalli nkunu, bħalma kienu dawn id-dixxipli li mbagħad saru appostli, dawk li nwasslu lil nies oħrajn biex jiltaqgħu ma’ Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju