L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Intom il-melħ tal-art” (Mt 5:13). “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). Din il-kelma ta’ Ġesù sseħħ b’mod straordinarjament qawwi f’San Duminku. Illum nixtieq naqsam ħsieb qasir magħkom, fuq dawn iż-żewġ aspetti li jsemmi Ġesù meta jħares lejn id-dixxipli tiegħu. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, nsibu kemm-il darba lil Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala “d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12); imma f’din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew, li jinzerta wkoll l-Evanġelju preferut ta’ San Duminku; dak li kien iġorr miegħu. (Kien iġorr miegħu l-Evanġelju ta’ San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl. Tant kien jaqrahom u jirrifletti fuqhom, li l-ewwel għejun tal-istorja tal-Ordni Dumnikana jgħidulna, li Duminku kien jafhom kważi bl-amment.)

“Intom il-melħ tal-art” (Mt 5:13). Hi unika li aħna nsellmu lil Duminku ta’ Guzmán, bħala dak li fil-ħajja tiegħu wettaq din il-profezija ta’ Ġesù, b’din il-Kelma ta’ Ġesù. Il-melħ hu dak li jippreserva mill-korruzzjoni u li jagħti togħma. Il-Papa jibgħat lil Duminku u lil Diego, l-ħabib tiegħu isqof, mhux fejn xtaqu jmorru jevanġelizzaw, li kien l-Ilvant tal-Ewropa, imma talabhom imorru lejn in-Nofsinhar ta’ Franza, fejn setgħa qawwija tal-Katari u l-Albeġiżi, kienu qed jattiraw ħafna nies lejn verżjoni ta’ reliġjon tagħna, li ma kinitx sħiħa u bnina. Kienu jissejħu n-nodfa, il-perfetti, is-safja; għalhekk il-kelma ‘Katari’; imma l-melħ tagħhom kien melħ li qata’ u ma setax jagħti togħma. Il-missjoni ta’ Duminku u ta’ Diego, u wara l-mewt ta’ Diego, imbagħad issir primarjament ta’ Duminku, hu li jirritornaw il-popolazzjonijiet sħaħ lejn il-merħla vera ta’ Ġesù. Duminku jsir melħ tal-art, u dawl tad-dinja, billi jisma’ l-kelma ta’ Pawlu u jagħmilha. “Xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2 Tim 4:2).

Tmien mitt sena ilu l-Knisja kellha bżonn lil San Franġisk u lil San Duminku. Dawn iż-żewġ figuri straordinarji u kontemporanji, li jerġgħu jibnu l-Knisja ta’ Kristu: wieħed bix-xhieda tal-faqar u l-ieħor, għalkemm fqir u umli, bil-qawwa tat-tagħlim tal-verità. Duminku hu dak li jħobb billi jgħallem u jgħallem għax iħobb. Nistgħu ngħidu li l-kelma tal-Appostlu Missierna seħħet proprju totalment fih, meta Pawlu lil Timotju jispjegalu li l-ġenna hi miftuħa “għal dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù” (2 Tim 4:8). Darba lil San Duminku staqsewh: ‘Liema l-iżjed ktieb li qrajt u segwejt f’ħajtek?’ Issa Duminku kien japprezza ħafna l-pergameni u l-kotba, u għallem lil uliedu japprezzawhom u jużawhom. F’kull kunvent kien hemm studju u huma jkunu jwasslu x-xandir. Bagħathom Bologna u Pariġi, iċ-ċentri tat-tagħlim tal-aqwa universitajiet ta’ żmienu.

Ir-risposta ta’ Duminku, li aħna nqimuh ukoll bħala ‘Dawl tal-Knisja’ (Lumen Ecclesiae), qalilhom: ‘Il-ktieb li l-iżjed qallibt fil-ħajja tiegħi kien il-ktieb tal-imħabba u minnu sibt dak kollu li għandi bżonn’. Għax Duminku hu u jfisser il-verità, waqt li ddjaloga għal iljieli sħaħ mal-Katari u jammira dak li kien hemm bżonn jammira fihom għax qatt ma ddemolizza l-avversarji tiegħu, uża dejjem l-imħabba. U jekk ommu lejlet it-twelid tiegħu, rat figura ta’ iben bl-istilla tiddi fuq ġbinu; jekk it-torċa tant marbuta mal-ikonografija ta’ San Duminku, u l-kelb li jfisser il-fedeltà fil-verità – jgħallmuna li Duminku hu dawl, u li rridu nifhmu hu li tkun melħ u dawl bħalma jixtieqna Kristu, tfisser li kull ħsieb tiegħek, kull nifs tiegħek ikun immarkat bl-imħabba; li inti tgħix bl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù.

Li inti u tikkontempla lill-Imgħallem, tkellmu u titkellem dwaru; li meta titkellem, titkellem bil-qalb li ħabbet u li tħobb. Il-kelma tiegħek tkun dejjem kelma ta’ ħabib. Kemm hi sabiħa li fil-lingwa tagħna l-kelma ‘ħabib’ marbuta mal-għerq tal-imħabba; il-kelma ta’ ħabib veru hi dejjem kelma tal-imħabba. Imma hi wkoll kelma f’waqtha u barra minn waqtha, li ċċanfar, twiddeb, twissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.

San Ġorġ Preca, qaddis li tgħammed hawn, kien iħobb jgħid kif tafu: ‘It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid’. Duminku ħabb bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Aħna nifirħu bil-qaddisin tagħna, u nagħmlu sew; nagħmlulhom festi kbar u nagħmlu sew; nifirħu bejnietna u nagħmlu sew. Imma tafu wkoll li kultant n-natura mħassra tagħna tikkontamina anke l-festi sbieħ li nagħmlu. Neżaminaw lilna nnfusna, jekk aħna devoti tassew ta’ San Duminku, nistaqsu lilna nfusna: kull kelma li ngħid, kull ġest li nagħmel, ġejjin mill-imħabba? Għax jekk ġejjin mill-għira, mill-inkejja, għandna x’nippurifikaw. Ma naqtgħux qalbna imma hemm x’nippurifikaw f’ħajjitna.

L-imħabba ta’ San Duminku kienet imħabba profonda, u ppermettuli nuża kelma li mhix tant tal-moda, kienet imħabba kasta, imħabba safja. Il-kastità kienet xhieda importanti li Duminku kellu jagħti fid-djaolgu tiegħu mal-Katari. Huma kienu jgħidu li kienu l-perfetti, in-nodfa; mentri l-istoriċi kienu jgħidulna kemm-il darba kienu jinku lil-legati ta’ Ruma, li kienu ġejjin mid-disfatta l-oħra fil-konfront tagħhom: bin-nuqqas ta’ żelu u bid-dellijiet bil-ħajja tal-kleru.

Id-dinja donna ma tinbidilx. U din il-ħaġa kienet tkiddu lil Duminku. U r-risposta tiegħu kienet, li jilqa’ b’umiltà l-kritika tal-Katari, u jistaqsi lilu nnifsu, imma jien xi stil ta’ ħajja rrid nagħti b’risposta? Duminku għaraf li mhux biżżejjed tipprietka imma trid tagħti xhieda; mhux biżżejjed titkellem imma trid tgħix il-kelma. Wara kollox, anke fl-ordinazzjoni tad-djakni, l-isqof lil min jordna jgħidlu: biex jilqa’ l-Kelma ta’ Alla, jifhem x’hemm fiha, u jfassal ħajtu fuqha. Għaliex mhux biżżejjed tifhimha u tipprietkaha, imma trid tagħti xhieda tagħha b’umiltà għax għandna “teżor kbir f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7).

L-imħabba safja mhix biss kwistjoni ta’ kif nitratta ġismi u ġisem ħaddieħor imma l-qalb tiegħi kif tħabbat.

Duminku dan kien jafu, għalhekk id-djalogu tiegħu dejjem kien sinċier. Kien jattira bl-imħabba u s-serenità tiegħu, xi ħaġa li tolqotni. Kull bijografu ta’ San Duminku, u anke lezzjoni li naqraw issa fit-8 ta’ Awwissu, ġejja minn għajn ta’ fonti antika ħafna tal-Ordni Dumnikan; għax San Duminku kitbiet ma ħalliex. Ħalla xhieda, il-fwieħa ta’ ħajtu u l-memorja tal-qdusija tiegħu. Jgħidu kemm kien bniedem seren, f’wiċċu kienet tidher is-serenità. Kien jinkedd meta jara t-tbatija u kien ixammar il-kmiem. Kien għadu kanonku, meta biegħ il-pergameni tiegħu biex jgħin il-foqra. Li xi ħadd jurih kemm kienu prezzjużi dawn il-pergameni, magħamulin mill-ġild ta’ annimali mejta. Duminku jgħidilhom il-ġild ta’ annimali mejta mhumiex prezzjużi daqs ħutu ħajjin li jeħtieġu l-għajnuna tiegħu.

L-imħabba tiegħu kienet imħabba safja għax diżinteressata. Qatt ma fittex il-poter. L-istoriċi jgħidulna, darbtejn, tlett darbiet offrewlu li jkun isqof, u rrifjuta. Tmien mitt sena ilu, li tkun isqof kienet tfisser,ħafna privileġġi; stajt ukoll tħalli lill-vigarju jagħmel ix-xogħol u inti tkompli tgawdi l-benefiċċji. Illum nassigurakom li naqra differenti, anke għal ħija Pawlu u ħija Ġorġ, nassigurawkom li hi naqra differenti.

Imma fi żmienu kienet iżjed ta’ benefiċċju li tkun isqof; tgħix bir-renta u l-vigarju fid-djoċesi jirranġa hu mill-aħjar li jista’. Duminku rrifjuta bl-umiltà u bl-ubbidjenza. Dak li talbu l-Papa dejjem għamlu San Duminku, għaliex is-safa tal-qalb tiegħu kienet magħġuna mill-ubbidjenza tal-Papa. Wara vjaġġ fid-Danimarka, qasam l-Ewropa biex jipprova jinnegozja ż-żwieġ tal-prinċep ta’ Bastilja, ma rnexxilhomx; imma jindunaw kemm hemm bżonn li wieħed iwassal l-Evanġelju ta’ Ġesù lill-popli Ewropej. Jixtiequ jmorru Lvant, imma l-Papa jgħidilhom, ħudu ħsieb din ir-roqqa. Duminku jobdi u din hi l-glorja tiegħu.

Is-safa ta’ Duminku hi safa konkreta iżda jekk taqra l-bijografiji tiegħu u l-istudji moderni dwaru tirrealizza li wieħed bħalna u qaddis bħalna. U li aħna wkoll imsejħin biex ngħixu l-imħabba skont il-vokazzjoni tagħna. Duminku jgħallimna kif ngħixu fl-imħabba tad-dehra ta’ Ġesù; jgħallimna wkoll li rridu nkunu l-melħ li jippreserva l-Knisja, lis-soċjetà minn kull ħażen, nibdew minna nfusna bla ma niġġudikaw lil ħadd. U rridu nkunu dawl ukoll. Waħda mill-affarijiet sbieħ li l-patres, l-għorrief qaddisin jgħallmuna, meta jitkellmu fuq il-Knisja hi li l-Knisja hi dawl, imma bħalma jdawwal il-qamar: id-dawl tagħha hu rifless tax-xemx, li hu Ġesù Kristu. Aħna nirriflettu d-dawl tiegħu.

Ejjew nitolbu lil San Duminku llum biex jagħtina umiltà u qawwa, li nkunu rifless tad-dawl tiegħu, li nkunu dik il-fjamma, dak id-dawl li jqiegħduh fuq l-imnara biex idawwal lid-dar, bħalma jgħid Ġesù stess. “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”. (Mt 5:16). Aħna u nagħtu glorja lil Duminku, nagħtu glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet. Dak li Duminku kien rifless tal-paternità tiegħu ma’ sħabu; Duminku għal sħabu kien missier u kien ukoll iħobb bil-qalb ta’ omm. Ħabbhom, u ta ħajtu għalihom, u tahom il-qawwa li jagħmlu hekk ukoll lill-oħrajn.

San Duminku, x’jgħid lil Malta tagħna llum? Din is-sena tant importanti, li fiha qed niċċelebraw 60 anniversarju mill-Indipendenza u 50 anniversarju mid-dikjarazzjoni tar-Repubblika, waqt li napprezzaw il-preżenza tal-Eċċellenza tagħha l-President tar-Repubblika, irridu nirrikonoxxu li l-qaddisin li nħobbu qed isejħulna biex nimitawhom illum.

Duminku, fl-2024, x’kelma għandu għalija u għalik? Ejjew nimitawh fil-fedeltà tiegħu lejn Ġesù. Ma niddejqux niddjalogaw ma’ Ġesù. Xi kultant in-nies ngħidilhom: gergrulu lill-Mulej, toqogħdux tinkwetaw. Inti mħabbat u mfixxkel, lill-Mulej għidlu. Imma isimgħu wkoll għax kultant lanqas nagħtuh ċans jgħid kelma lill-Mulej fil-qalb tagħna. Duminku kien jitkellem ħafna ma’ Alla, u għalhekk seta’ jitkellem dwar Alla. Soċjetà li forsi din il-ħaġa tħossha li m’għadhiex moda. Ejjew nagħtu xhieda ta’ nies li ma jiddejqux jitkellmu ma’ Alla, u b’hekk jitkellmu dwar Alla.

San Duminku jgħallimna l-importanza tat-tagħlim, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Napprezzaw il-formazzjoni Nisranija tagħna; mhux biss Nisranija imma ngħid ukoll l-informazzjoni fl-etika u l-morali. Ejjew nerġgħu nsibu l-għejun f’dawk l-10 kmandamenti, dawk il-kelmiet ta’ ħelsien, li għandna bżonnhom daqs il-ħobż; għax inkella l-melħ tagħna jaqta’. Ikun biss tajjeb “biex jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5:13), kif jgħid Ġesù.

San Duminku jgħallimna wkoll li l-imħabba tagħna trid tkun safja skont il-vokazzjoni tagħna: imħabba libera, li ma tgħakkes lil ħadd u li tirrispetta lil kulħadd. Li tkun mħabba ta’ fedeltà anke fil-ħbiberija, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, li l-kelma li tagħti żżommha; ma taħdem kontra ħadd u wara dahar ħadd. Li jkun hemm fedeltà fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna – onesta u integrata. Tkun imħabba konkreta għax l-imħabba safja mhix biss kwistjoni ta’ kif nitratta ġismi u ġisem ħaddieħor imma l-qalb tiegħi kif tħabbat.

Ejjew nitolbu lil San Duminku, illum, jgħallimna li nkunu melħ u dawl, għax hu li 800 sena ilu kien imsejjaħ biex ikun ‘Dawl tal-Knisja’ (Lumen Ecclesiae) qed isejħilna biex nimitawh skont il-vokazzjoni tagħna, skont ir-rwol tagħna, u jkun għalina interċessur qawwi quddiem Alla.

Viva San Duminku!   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 95:1-3,7-8a.10
Qari II: 2 Tim 4, 1-8
Evanġelju: Mt 5:13-19