-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, l-Imsida
13 ta’ Lulju 2018F’din il-parabbola Ġesù jitkellem dwar it-talenti. Fi żmienu t-talent kienet somma flus u kienet sena paga. Il-paga ta’ ġurnata kien id-denarius, ismu miegħu, il-paga ta’ ġurnata. Imma t-talent kien sena sħiħa paga. Immaġinaw min irċieva għaxar talenti u jikkalkula għaxar snin paga kemm ikunu; ħames talenti, ħames snin paga; talent wieħed sena paga.
Minħabba din il-parabbola, fil-lingwa tagħna l-kelma ‘talent’ bdiet tfisser xi ħaġa li hija afdata f’idejk jew kapaċità li għandek u inti msejjaħ tħaddimha. Wieħed jifhem mill-ewwel il-fiduċja kbira ta’ dan is-sid fil-qaddejja tiegħu u t-traġedja ta’ min rċieva talent ta’ sena paga u ma għamel xejn u mar jaħbi din is-somma flus.
Imma waqt li niċċelebraw lil San Ġużepp, li nafu li kien qaddej fidil u għaqli, aħna rridu nifhmu u nixtarru dak li Ġesù jgħid meta jitkellem fuq il-qaddejja twajba u fidili: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek” (Mt 25:23). Dawn il-kliem jintużaw ħafna drabi fit-talb tal-Knisja għall-patrijarka San Ġużepp. U jiena nimmaġina li kienet ħafna faċli għal Ġesù hu u jgħid dan il-kliem jiftakar f’dan ir-raġel li kien rabbieh, li għallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa, li għallmu l-virtijiet sbieħ tal-integrità, tal-onestà, tal-bżulija, tar-rettitudni u tal-ġustizzja.
San Ġużepp huwa afdat bl-ikbar teżori tal-Missier Etern
L-istess San Mattew, li jirrakkonta din il-parabbola u jgħidlna li Ġużeppi “kien raġel ġust” (Mt 1:19). Raġel ġust! U peress li kien, ħaddiem tas-sengħa u s-sengħa tiegħu hi ta’ mastrudaxxa, imma iżjed minn mastrudaxxa għaliex kien ukoll ħaddied kienet tlaqqgħu ma’ ħafna nies. Kien jidħol fid-djar tan-nies u jara x’għandhom bżonn meta jsejħulu f’xi emerġenza. U Ġużeppi kien magħruf għat-tjubija u l-ġustizzja tiegħu. Il-Mulej kien jagħraf fih dak il-qaddej tajjeb u fidil li f’dak kollu li hu ordinarju fil-ħajja ta’ kuljum, kien raġel ġust. Kien fidil fil-ftit u l-Mulej afdalu ’l ħafna, afdalu lil ibnu l-għażiż u lil ommu Marija. U San Ġużepp huwa afdat bl-ikbar teżori tal-Missier Etern għax meta tafda lil ibnek, tafdah għand xi ħadd li diġà ġie ppruvat fil-fedeltà tiegħu u inti tista’ tafdah b’għajnejk magħluqa.
Nitolbu lil San Ġużepp biex il-kultura tal-ħajja li aħna għadna ngawdu, tkompli tikber u mhux tonqos
L-ewwel deċiżjoni li kellu jieħu San Ġużepp kienet tfisser il-ħajja jew il-mewt ta’ Marija u tat-tarbija li kellha f’ġufha għaliex ma ħarġitx tqila minnu u kellu dritt jakkużaha u titħaġġar. L-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna li San Ġużepp “għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Qabel ma kellmu l-anġlu tal-Mulej, il-ġustizzja naturali ta’ dan ir-raġel, ġuvni onest u ġenwin, iddeċidiet li ssalva l-ħajja tal-omm u tat-tarbija. Mhux ta’ b’xejn San Ġużepp huwa wkoll ivvenerat bħala l-protettur tal-ħajja fil-ġuf għax id-deċiżjoni tiegħu, qabel ma kien jaf min hi t-tarbija, salvat lil ommha u t-tarbija fil-ġuf. U hemm bżonn nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp biex il-kultura tal-ħajja li aħna għadna ngawdu, tkompli tikber u mhux tonqos, li aħna jibqa’ jkollna dejjem rispett lejn il-ħajja sa mill-bidu nett tagħha kif għamel San Ġużepp bid-deċiżjoni tiegħu.
Imbagħad l-anġlu għarrfu bl-identità tat-tarbija li Marija ta’ Nazaret kienet qiegħda ġġorr fil-ġuf u hawnhekk ingħata l-missjoni partikulari li jkun il-missier ċivili, putattiv, jiġifieri l-maħsub, dak li jafu n-nies. Quddiem is-soċjetà huwa jippreżenta ruħu bħala l-missier ta’ Ġesù, li l-Iben ta’ Alla jkollu missier ta’ din id-dinja, li l-Iben ta’ Alla jkollu missier u omm li jrrabbuh, li l-Iben ta’ Alla jkollu min jgħallmu s-sengħa tal-id, ix-xogħol u l-onestà tax-xogħol. Tant hu hekk li mhux biss Ġużeppi ta’ Nazaret kien magħruf bħala mastrudaxxa imma anke Ġesù; ħin minnhom fl-Evanġelju huwa indikat bħala ‘l-mastrudaxxa’. U l-ewwel Insara tal-Palestina sal-ewwel sekli kienu—almenu skont dak li jgħidilna San Irinew—jgħożżu moħriet li għamel Ġesù b’idejh ta’ mastrudaxxa li kien. Nafu li għamel moħriet, min jaf kemm għamel affarijiet oħra Ġesù.
Meta San Bernardu jitkellem fuq San Ġużepp juża’ frażi sabiħa: “Qaddej tajjeb u fidil, idħol fil-hena ta’ sidek”. U l-hena ta’ sidu, San Ġużepp gawdieha fid-dar tiegħu f’Nazaret u kien hemm hena li wkoll kellha prezz xi tħallas għalih. San Ġużepp ma salvax lil Ġesù darba, imma kellu wkoll jissejjah biex isalvah mill-qilla ta’ Erodi. L-anġlu jgħidlu, wara li telqu l-Maġi: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). U San Ġużepp kellu jitlaq minn daru, mhux għax ried imma biex għat-tieni darba jerġa’ jsalva lill-omm u lit-tifel. Kellu jitlaq minn pajjiżu u jmur l-Eġittu x’aktarx ifittex xi familji Lhud li kienu għadhom jgħixu l-Eġittu. Imma kellu jitlaq mill-kumdità ta’ Nazaret u ta’ Betlehem li kien jaf. San Ġużepp għamel l-esperjenza ta’ tant nies li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom ifittxu l-kenn biex jeħilsu mill-mewt minħabba l-ġuħ jew il-persekuzzjoni jew il-gwerra.
San Ġużepp huwa l-patrun ta’ kull min ikollu jitlaq lill-art twelidu biex jipproteġi lil familtu. San Ġużepp huwa l-patrun ta’ tant nies li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex ifittxu ħajja aħjar. Aħna nagħmlu tajjeb li niċċelebraw lil San Ġużepp imma għal min hu bħalu kif nitkellmu fuqu? U ’l min hu bħalu kif qegħdin nittrattawh? Qegħdin niftħulu l-bieb? Dawk ukoll huma Ġesù u aħna rridu nagħtu kont ta’ kif inħarsu lejhom u nitkellmu dwarhom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-
-
-
-
Ritratti: Knisja.mt/ritratti