L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jirrita ruħu, kważi għandu allerġija għal affarijiet sensazzjonali. Drabi oħra, pereżempju, jgħidulu: “X’sinjal ser turina, li tista’ tagħmel dan?” (Ġw 2:18). Niftakru meta qabżitlu u qabad sawt u beda jaqleb l-imwejjed u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” (Ġw 2:18).
Illum qed jerġa’ jirrepetti dil-ħaġa, fis-17-il kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Luqa, Ġesù javżana li m’għandniex noqogħdu nistennew affarijiet sensazzjonali, biex nindunaw bil-preżenza ta’ Ġesù. Ħa nieħdu pereżempju, l-Ewkaristija, li qed niċċelebraw; fl-offertorju aħna nwasslu fuq l-artal ftit ħobż, u ftit inbid. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u bil-Kelma ta’ Ġesù li jirrepeti s-saċerdot, dak il-ħobż u dak l-inbid, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Bit-tiswib tal-ilma, kull wieħed u waħda minna sirna Nsara. Huma ġesti sempliċi għal aħħar, b’elementi sempliċi; imma permezz tagħhom, il-Mulej juri l-opri tiegħu u juri l-qawwa tiegħu. Qawwa li ma tħobbx ħafna storbju, imma Alla jara kollox.
Ma naħsibx li San Martin pereżempju, hu u għaddej biż-żiemel tiegħu, jiltaqa’ ma dak it-tallab, iterter fil-bard, stieden lil tat-televiżjoni, jew inkella lil xi ħadd biex iġibhielu fuq Facebook din il-ħaġa li għamel. Kienet bejnu u bejn dak il-fqir. Fis-satra forsi ta’ xemx nieżla, m’hemm ħadd, imma l-Mulej ma nessiex dak li għamel Martinu. Għax l-akbar xhud għalina, mhux il-media soċjali, mhux iċ-ċapċip tan-nies jew l-għagħa tal-folla. Ġesù wkoll, ma jimpresssjonax ruħu. Ġuda Taddew fil-fatt qallu, għaliex m’intiex ser turi lilek innifsek lil kulħadd, imma lilna biss. Ġesù jirrispondih: ‘għax hi kwistjoni ta’ mħabba’. L-imħabba mhix kwistjoni tal-folla jew tal-media soċjali; hi relazzjoni personali, li jiena nirrispondi bi mħabba għal min nifhem li jħobbni ħafna, u ta ħajtu għalija.
Bit-tiswib tal-ilma, kull wieħed u waħda minna sirna Nsara. Huma ġesti sempliċi għal aħħar, b’elementi sempliċi; imma permezz tagħhom, il-Mulej juri l-opri tiegħu u juri l-qawwa tiegħu.
Fil-fatt il-Mulej jgħid: meta niġi intom se tindunaw, bħalma tindunaw li ġejja sajjetta meta jleħħ, bħal-lum. Meta tleħħ il-berqa, ngħidu se jriegħed, għax id-dawl jgħaġġel iżjed mill-ħoss. L-ewwel naraw il-berqa mbagħad ir-ragħda. Imma hekk se jkun evidenti meta jiġi. Ħafna drabi juri lilu nnifsu b’mod li nifhmu li Hu l-Mulej; imma ma nippretendux li ser narawh fl-istorbju, jew fl-għagħa tal-folla.
Nitolbu ħafna bl-interċessjoni ta’ San Martin, għalina lkoll hu l-ewwel Nisrani li ġie ddikjarat qaddis mingħajr ma kien martri. San Martin ma mietx mewta vjolenti, imma minħabba l-mard li kellu għax kien wasal il-mument tiegħu, u miet fuq din il-missjoni biex iġib il-paċi. Ma mietx martri, imma xorta hu l-ewwel qaddis li ġie ddikjarat ‘konfessur’. ‘Konfessur’ xi tfisser? Li stqarr il-fidi tiegħu bl-imħabba matul ħajtu. Mhux billi ċarċar id-demm, imma bil-paċenzja li ħa matul ħajtu. Kemm għandna qaddisin hekk fid-djar tagħna. Nitolbu għalihom ukoll bl-interċessjoni ta’ San Martin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta