L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.” Din il-beattitudni, din l-hena tistqarrha Eliżabetta malli tiltaqa’ ma’ Marija ta’ Nazaret tqila bl-iben t’Alla magħmul bniedem, li qiegħda fuq vjaġġ ta’ mħabba u karità. L-anġlu għadu kemm taha sinjal li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun. Jgħidilha: “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1: 36-37).

Marija tinduna li Eliżabetta għandha bżonn l-għajnuna tagħha. U għalkemm tnissel fil-ġuf tagħha lill-iben t’Alla magħmul biedem, “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta” (Lq 1:39-41). Eliżabetta tinduna li f’Marija hemm preżenza speċjali. It-tarbija li Eliżabetta qiegħda ġġorr, li hu Ġwanni l-Battista “qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa,” tgħid lil Marija, “u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:41-42). F’kull Sliema li ngħidu nkunu qed nirrepetu l-kliem ta’ Eliżabetta.

“Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?” (Lq 1:43). Hienja għax emmint li jseħħ kulma ntqal lilek min-naħa tal-Mulej (Ara Lq 1:45). Marija ta’ Nazaret, imsejħa biex tkun omm Alla, qed iġġorr tarbija li diġà taf l-isem tagħha. L-Anġlu jgħidilha: “U issemmih Ġesù (Lq 1:31)” –  Alla salvatur, Alla jsalva għax hu qagħad jeħles lil ħutu minn dnubiethom.

Imma tgħix din iċ-ċertezza li l-kelma t’Alla sseħħ u din iċ-ċertezza ssir ukoll it-tama tagħha. U meta tinfexx f’innu sabiħ, li aħna nitolbuh fil-knisja kull filgħaxija, fit-talba tal-għasar, il-Kantiku ta’ Marija, li għadna kemm smajna llum fl-Għid tal-Assunta. Marija mhux biss tifraħ f’Alla, li hu s-Salvatur tagħha, tirrealizza li “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48) u tirrikonoxxi li minn issa ’l quddiem minħabba din il-ħniena, kull nisel jibda jsejħilha ‘hienja’, bħalma għamlet Eliżabetta, bħalma nagħmlu aħna meta ntennu ma’ Eliżabetta f’kull Sliema li ngħidu: “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.”

Il-pedament tagħna  

Aħna nirrikonoxxu li s-setgħani għamel ma’ Marija ħwejjeġ kbar u Marija tgħallimna li qaddis hu l-isem tal-Mulej. Tipperswadina bil-kelma tagħha għażiża, li l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li jitrattawh ta’ Alla li hu, mhux jitwerwru minnu, imma jitrattawh ta’ Alla li hu. U Marija tfakkarna x’għamel il-Mulej mal-poplu tiegħu. X’għamel ma’ kull wieħed u waħda minna.

“Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejkin. Mela b’kull ġid lil kull min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.” U tiġbor dan kollu f’din l-espressjoni: “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (Lq 1:51-55). B’dawn il-kliem Marija tikkonvinċina bil-fidi li għandha fis-setgħa tal-Mulej imma wkoll turina x’inhu l-pedament tat-tama tagħha, it-tama li ma tqarraqx bina, li tidħakx bina.

Ħuti, ippermettuli din is-sena noffri ftit riflessjonijiet fuq Marija bħala l-kewkba tat-tama tagħna. Biex nuża espressjoni sabiħa tal-mibki Papa Benedittu XVI, fil-kitba tiegħu Spe Salvi, dwar it-tama. Jikkonkludi dan il-kapulavur tat-teoloġija dwar it-tama bil-kapitlu msejjaħ Marija l-kewkba tat-tama tagħna.

Marija għexet din it-tama f’sitwazzjonijiet diffiċli. U għalhekk issir għalina kewkba tat-tama, għax għexet din il-konvinzjoni li Alla ma jqarraqx bik

Qed nagħmel hekk għax il-Papa Franġisku jixtieq li s-sena d-dieħla, u meta niltaqgħu bħal-lum sena ’k Alla jrid inkunu fil-qalba tas-Sena tal-Ġublew 2025, isibna pellegrini tat-tama f’mixja ta’ poplu mimli bit-tama. Mhux it-tama ta’ min jixtieq jirbaħ il-lotterija, imma t-tama ta’ min jaf li “l-Mulej ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu” fl-istorja kollha. Din kienet il-konvinzjoni. Din kienet il-fidi ta’ Marija ta’ Nazaret li l-Mulej jiftakar fil-ħniena tiegħu, li “l-wegħdiet tiegħu lil missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem”, huma ta’ vera, iseħħu.

Imma Marija għexet din it-tama f’sitwazzjonijiet diffiċli. U għalhekk issir għalina kewkba tat-tama, għax għexet din il-konvinzjoni li Alla ma jqarraqx bik, li Alla hu tas-sewwa u l-ġustizzja għandu l-aħħar kelma fuq l-istorja għax kienet konvinta mill-ġrajja tal-poplu Lhudi li fost it-taqlib tad-dinja tal-ħajja u tal-istorja, l-imħabba u l-ħniena t’Alla tassew għandhom l-aħħar kelma.

It-tama li San Pawl jgħid għandna għaliex niftaħru biha u f’Marija, aħna l-Insara, irċivejna dan ir-rigal kbir ta’ sinjal ta’ tama qawwija, li dak li għadda minnu Ġesù fl-Għid u l-Irxoxt tiegħu mhuwiex xi ħaġa għalih biss, imma wkoll għalija u għalik. U biex jagħtina sinjal ċert, ankra tat-tama tagħna fil-qawmien mill-imwiet, lil ommu ħarisha mit-taħsir tal-qabar. Ommu, li ma setgħetx tirxoxta bil-qawwa divina fiha nfisha bħalma rxoxta hu, imma rxoxtat bl-intervent u l-qawwa ta’ binha, bħalma se jsir għalija u għalik. Tgħidli m’iniex mgħaġġel – lanqas jien. Imma jasal il-mument.

It-tama li tingħatalna llum hi li l-aħħar kelma mhix tal-mewt imma tal-ħajja, li l-mewt mhix ħajt li taħbat miegħu imma bieb, tieqa, għidlu velestrun, li minnha jgħaddi d-dawl. U għalhekk Marija hi sinjal ta’ tama u kewkba ta’ tama.

Il-Papa Benedittu ssellef l-ewwel kliem tal-innu Ave Maris Stella (Sliem Kewkba tal-Baħar) u jibdel dan it-titlu sabiħ ta’ Sidtna Marija f’kewkba tat-tama. Marija kellha bżonn tittama imma bil-konvinzjoni tal-kelma tal-anġlu tal-Mulej meta qalilha li mhux se tagħraf raġel u se tnissel. Irid ikollok tama tal-azzar biex temmen fil-kelmiet tal-anglu, b’tama li dak kollu li xtaqet u talbet għalih, bħall-profeti u n-nies ġusti kollha ta’ Iżrael iseħħ f’waqtu. Ma kinitx taf li kienet magħżula biex it-tama ta’ Iżrael isseħħ.

Imma meta l-anġlu għamlilha l-proposta bil-kunsens tagħha, Alla daħal fid-dinja bħala bniedem u l-iben ta’ Alla tnissel f’ġufha. Hi kellha taffaċċja l-għidut tan-nies u d-dubju ta’ Ġużeppi. Iżda mill-bidu nett għarfet li Alla tat-tama ma jqarraqx bina. Dan ma jfissirx li mhux qed isejħilna għas-sabar, għall-paċenzja, għall-qawwa fit-tiġrib u l-kontradizzjonijiet.

Sinjali tat-tama

Hi li kellha wkoll tħabbat fuq bieb ta’ għorfa ta’ lukanda u ma ssibx fejn twelled lil binha u twelldu fost l-annimali u l-bhejjem; kellha tmur l-Eġittu ma’ Ġużeppi tturufnata bil-persekuzzjoni ta’ Erodi, ippersegwitata bħala omm żagħżugħa imma mimlija bit-tama li l-kelma ta’ Alla ma tiġix nieqsa; hi li bkiet mal-mewt ta’ tfal innoċenti ta’ Betlehem u triegħdet bil-biża’ għas-saħħa ta’ binha, tibqa’ tittama li Alla hu fuq kulħadd u ħadd ma jista’ għalih.

Marija tibqa’ tittama wkoll meta binha jrid jitlaq mid-dar biex jibda l-ministeru pubbliku tiegħu. It-tradizzjoni tgħidilna li issa sfat armla għax Ġużeppi telaq minn din id-dinja u trid tiddependi fuq is-solidarjetà tal-familja estiża tagħha f’Nazaret. L-ewwel impatt ta’ binha mal-komunità ta’ Nazaret jiġbed ammirazzjoni imma wkoll tmaqdir “Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?” (Mt 13:55-56).

Għalhekk, Marija tibda tgħix flimkien ma’ binha li l-wegħda li għamlilha l-anġlu mhijiex irħisa, l-istess bħall-kelma li qalilha Xmun meta t-tarbija kellha 40 jum: “Se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:34-35).

Dawn il-kelmiet kienu wkoll profezija li mhux teqred it-tama imma turina li t-tama għandha wkoll imsieħba magħha is-sabar, il-qawwa fil-persekuzzjoni u fit-turufnament; li l-aqwa risposta għall-gideb hi l-verità, li l-aqwa risposta għall-ħażen hi t-tjubija; li l-aqwa risposta għall-inġusitzzja hija l-ġustizzja. L-aqwa risposta għal dan kollu mhux li nwieġbu bl-istess mod imma imma li nkunu tassew “il-melħ tal-art […] id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13-14), nies ta’ tama soda li jiġri x’jiġri, fuq Alla tassew ma hemm ħadd.

Dik kienet l-istess tama li mexxiet lil Marija meta quddiem is-sitwazzjoni mwiegħra tal-għarajjes ta’ Kana, marret fuq binha u qaltlu: “Ma għandhomx inbid” (Ġw 2:3).

Imma l-Mulej Ġesù ma xtaqx jantiċipa s-siegħa tiegħu iżda l-kelma tagħha tibqa’ t-testment tagħha għax huma l-aħħar kelmiet imnissla minn Marija li nsibu fl-Iskrittura: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dawn il-kelmiet — li lilna tgħidhomlna fuq dak li jgħidilna binha — huma kelmiet ta’ fidi u ta’ tama biex nemmnu u nittamaw f’binha għax li jgħid ma jonqosx: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11:25-27).

Il-frażi “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”, fi kliem ieħor hi l-istess ħsieb ta’ Alla l-Missier fuq ibnu l-għażiż meta fuq il-Muntanja Tabor l-Mulej Ġesù nbidel f’dawl u jinstema leħen jghid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Jekk Alla l-Missier jgħidilna hekk fuq ibnu, illum nieħdu wkoll il-parir ta’ ommu u nagħmlu kulma jgħidilna hu.

Id-destin tagħna

L-Appostlu Missierna San Pawl jgħidilna li aħna nifirħu bit-tama tagħna. Illum nifirħu fl-Għid tal-Assunta meta nħarsu lejn Ġerusalemm u niftakru li f’dik il-belt qaddisa — itturufnata bil-kunflitti sa minn dejjem — hemm ukoll żewġ teżori kbar tal-umanità, żewġ oqbra vojta: dak ta’ Kristu u ta’ Ommu Marija.

L-esperjenza tal-Knisja, hi u tiskopri dawn l-oqbra vojta mingħajr l-intiena tat-taħsir, kienet waħda li l-kelma ta’ Alla fuq il-qawmien mill-imwiet ma tonqosx, li destin tagħna fuq din l-art hu sabiħ imma hemm jistenniena destin isbaħ u aħjar. Iżda minn din id-dinja nistgħu nibdew għal xulxin l-infern jew il-ġenna.

Irridu nammettu li kultant inkunu purgatorju għal xulxin, imma almenu dik hi l-antiporta tal-ġenna. Ejjew naħdmu biex aħna, bl-għażliet u bit-tama qawwa tagħna fil-Mulej li l-kelma tiegħu ma tqarraqx bina, ngħixu ta’ nies f’mixja mimlija tama, mhux ta’ xi ħaġa li mhix se sseħħ imma li nafu li se sseħħ meta jrid hu għax il-kelma tiegħu ma tonqosx.

Dan hu l-ferħ li jimla lilna l-Insara fl-Għid tal-Assunta meta Ġesù għażel li jħares lil ommu mit-tħassir tad-dnub u tal-mewt. Hu jrid jagħtina sinjal ċar li din il-kelma tgħodd għal kulħadd, inkluż għall-għeżież tagħna li ħallewna u dawk li qed iħejju għall-mewt. Iva, l-appuntament tagħna mhuwiex appuntament mad-dlam u t-tmiem u mat-taħsir u l-qerda, imma mad-destin ta’ dejjem.

Għalhekk, aħna nsejħulha “Sliem għalik Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna.”

Viva Santa Marija!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Salm: 44
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
L-Evanġelju: Lq 1:39-56

Aktar ritratti