L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fil-mistoqsija li d-dixxipli ta’ Ġwanni għamlu lil Ġesù, tolqotna ħafna l-ħeġġa tagħhom għall-prattika reliġjuża tas-sawm. Għalihom kienet parti importanti mill-ħajja reliġjuża, u għalhekk ħaduha bi kbira li huma u l-Fariżej kienu jsumu, imma d-dixxipli ta’ Ġesù ma kinux.
X’kienet id-diffikultà? Ma kinetx li huma jsumu; dik ħaġa tajba, fil-fatt kienet waħda mill-prattiċi reliġjużi importanti għall-ħajja tagħhom. Imma ħafna minnhom kienu jagħmlu dan bħala prattika reliġjuża li tidher minn barra – x’qed tara minn barra – imma mbagħad il-qalb kienet ’il bogħod minn Alla. Fil-fatt lil Ġesù smajnieh jumejn ilu fl-Evanġelju ta’ Ras ir-Randan, meta hu jgħid fuq it-talb, l-għoti ta’ karità u s-sawm, biex ma jagħmluhomx għal wiċċ in-nies biex jidhru. Jgħid: “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin”. U jgħid: “Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi. U Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:16-18).
Għalhekk Ġesù hawnhekk jgħaqqad is-sawm mas-swied il-qalb u jgħid: dawn id-dixxipli mhux issa li jsewdu qalbhom, imma meta l-għarus – qed jgħid għalih – jitteħdilhom, jiġifieri meta jasal il-mument tal-mewt, meta joqtluh lil Ġesù. Hemmhekk iva, hemmhekk isewdu qalbhom u jqarrsu wiċċhom ukoll, mhux biex jidhru quddiem in-nies imma minħabba l-esperjenza verament kerha tal-qtil ta’ Ġesù.
Is-sawm hu importanti għalina meta jkun magħqud ma’ qalb mimlija mħabba
X’inhu l-messaġġ għalina llum fil-Kelma ta’ Alla? L-ewwel nett, li nagħrfu li Ġesù hu magħna, Ġesù ma tteħidx minn magħna. Fil-fatt, niftakru li wara l-qawmien mill-mewt, meta Ġesù wasal biex jitla’ s-sema, x’qalilhom lid-dixxipli? “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Għax nafu li hu magħna, ma għandniex għalfejn inqarrsu wiċċna u nsewdu qalbna, imma anzi dejjem niċċelebraw il-preżenza tiegħu ħajja magħna.
Imma allura s-sawm jibqa’ validu, għandu sens illum? Dażgur li għandu sens! Għax is-sawm jgħinna biex inkunu nistgħu niddixxiplinaw aktar lilna nfusna, nagħmlu s-sagrifiċċju meħtieġ ħalli fil-ħajja tagħna jkun il-Mulej li jmexxina, mhux dak li nħossu li jikkmandana. Is-sawm hu importanti għalina meta jkun magħqud ma’ qalb mimlija mħabba. Fil-fatt, rajna mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija, l-enfasi li jagħmel il-Mulej fl-ewwel qari fuq ir-rabta tas-sawm mal-imħabba lejn l-oħrajn, mal-opri tal-ħniena. Jgħid: mhux dan is-sawm li rrid? Jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, li tibgħat ħielsa l-maħqurin? “Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” Dal-kliem jaqbel ħafna mal-opri tal-ħniena, li Ġesù semma lid-dixxipli tiegħu, u ħeġġiġhom biex ikollhom qalbhom mimlija mħabba. Hemm li jagħmel sens is-sawm, meta hemm dik l-għaqda, mhux il-firda, l-għaqda mal-ħajja ta’ kuljum, speċjalment ma’ ħajja mimlija mħabba lejn l-oħrajn u lejn dawk li huma fil-bżonn. Hemm is-sawm ikunu parti importanti verament mill-ħajja tagħna reliġjuża, imma f’għaqda mal-imħabba li għandha tkun ir-ruħ tal-ħajja tagħna. Ma tkunx prattika reliġjuża li tidher minn barra biss, qisek biex timpressjona; imma prattika reliġjuża li ħierġa mill-qalb. Nitolbu lill-Mulej, l-ewwel nett li nagħrfu li hu dejjem magħna, li hu ma tteħidx minn magħna biex jibqa’ mbiegħed, imma wegħidna – u hekk hu – li hu dejjem magħna; u għalhekk qatt ma għandna nkunu b’qalbna sewda jew b’wiċċna imqarras, għax nafu li l-Mulej hu magħna. Imbagħad ukoll li nagħrfu kif ngħaqqdu s-sawm u kull tip ta’ sagrifiċċju ma’ ħajja mimlija mħabba speċjalment lejn dawk li huma fil-bżonn, biex hekk is-sawm tagħna jkun tassew ifisser dak li għandu jfisser, u jkun ħiereġ minn qalb mimlija mħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta