Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Novembru 2010, l-Arċisqof Pawl Cremona O.P, ser imexxi ċelebrazzjoni Ewkaristika li fiha seba’ seminaristi se jingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat. Iċ-ċelebrazzjoni ser issir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Andrija, Ħal Luqa, fis-7 p.m.
Is-seba’ seminaristi, li jinsabu fis-sitt sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma: Dillon Bugeja mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq, Robin Camilleri mill-Parroċċa ta’ Sant’Andrija, Ħal Luqa, Roderick Camilleri mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, Mario Dimech mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi, Anthony Paul Fitzpatrick mill-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa, George Schembri mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi u Michael Zammit mill-Parroċċa ta’ Sant’ Elena, Birkirkara.
L-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat jimmarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.
Il-Komunita’ tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd jitlob biex il-Mulej jkompli jbierek lil dawn is-seminaristi u biex iktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej billi jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża.