L‑entità tal‑Knisja Fondazzjoni Sebħ qed tbassar li għandha bżonn madwar €3 miljuni sal‑aħħar ta’ din is‑sena biex tkompli tkun raġġ ta’ tama għal persuni vulnerabbli fis‑soċjetà fosthom tfal u familji, kif ukoll nisa u tfal li jixtiequ joħorġu jew ħarġu miċ‑ċirku tal‑vjolenza.
Id‑Direttur ta’ Sebħ, Yvonne Mallia tefgħet dawl fuq il‑ħidma siekta iżda fejjieda ta’ Fondazzjoni Sebħ u qalet li biex is‑sena li għaddiet setgħet tkompli ssostni s‑servizzi kollha tagħha, intefqu madwar €2.4 miljuni.
Waqt konferenza li saret dalgħodu, Sebħ nediet ir‑rebranding tagħha li jwassal messaġġi ta’ mħabba, protezzjoni, tiġdid, tama u impenn serju biex tgħin lil nisa, tfal u familji. Dan sar possibbli permezz ta’ ħidma sħiħa flimkien mal‑kumpanija 9H Digital u bl‑appoġġ tal‑Uffiċċju tal‑Preżenza Diġitali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Madwar €1.8 miljun miż‑€2.4 miljuni ġew allokati sabiex jiġu megħjuna tfal li jgħixu fid‑djar residenzjali ta’ Sebħ, b’nefqa ta’ madwar €45,500 għal kull tifel u tifla. Din in‑nefqa tkopri bżonnijiet essenzjali bħal ikel, kura tas‑saħħa, edukazzjoni, terapija, il‑manutenzjoni tad‑djar u l‑pagi tal‑persuni li jieħdu ħsieb lit-tfal 24 siegħa kuljum. Dan wassal biex 48 tifel u tifla li jgħixu f’waħda mill‑erba’ djar residenzjali ta’ Sebħ — Dar Fra Diegu, Dar San Nikola, Dar Sagra Familja u Dar Santa Tereża — ikunu jistgħu jikbru f’ambjent li joffri sigurtà, dinjità, imħabba u għożża.
Is‑Sinjura Mallia qalet li sal‑aħħar tal‑2024 hu stmat li n‑nefqa għal kull tifel u tifla se tiżdied b’€19,000, b’hekk tammonta għal total ta’ €64,000 minħabba żieda fl‑ispejjeż tal‑operat u żieda sostanzjali fl‑impjegati biex joffru attenzjoni individwali u speċjalizzata lit‑tfal.
“Qed nantiċipaw li jekk Fondazzjoni Sebħ trid tkompli tagħti s‑sapport meħtieġ u mtejjeb lit‑tfal residenti, teħtieġ madwar €3 miljuni sal‑aħħar ta’ din is‑sena,” kompliet tgħid is‑Sinjura Mallia.
Mas‑snin, l‑għajnuna finanzjarja mogħtija mill‑Knisja f’Malta, u fl‑aħħar snin mill‑Istat permezz ta’ Public Social Partnerships, wasslet biex Fondazzjoni Sebħ evolviet milli toffri kura istituzzjonalizzata għal ambjent aktar personalizzat. Illum, it‑tfal jgħixu fi gruppi iżgħar u f’appartamenti maħsuba biex joffru ambjent ta’ familja.
Is‑Sinjura Mallia żiedet tgħid li: “Id‑djar tat‑tfal tagħna joffru kura speċjalizzata b’terapiji ġodda. B’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Children in Need, żviluppajna servizz terapewtiku ffukat fuq prattiċi mgħarrfa mit‑trawma li jkunu għaddew minnha t‑tfal. Dan isaħħaħ l‑iżvilupp ħolistiku tat‑tfal fdati lilna.”
Fondazzjoni Sebħ tagħti wkoll sapport lill‑familji permezz ta’ Il‑Milja, li jgħin lil nisa u wliedhom li jridu jaħarbu mill‑vjolenza, fosthom vjolenza domestika, traffikar tal‑bnedmin, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat. Fl‑2023, dan is‑servizz ingħata lil 39 persuna (17‑il mara u 22 minuri) u ammonta għal €415,000. Din is‑sena n‑nefqa mistennija titla’ għal aktar minn €500,000. Matul l‑aħħar sentejn, 30 familja ngħataw l‑appoġġ meħtieġ biex jindirizzaw l‑esperjenzi trawmatiċi u l‑bżonnijiet psikosoċjali tagħhom, kif ukoll ġew ippreparati għal ħajja indipendenti u ħielsa mill‑abbuż.
Is‑Servizz tal‑Familji fil‑Komunità hu servizz ieħor offrut minn Fondazzjoni Sebħ, immirat li jagħti għajnuna fi stadju bikri, it‑tnaqqis tal‑faqar u jagħti l‑appoġġ biex tinżamm il‑familja. 75 familja bbenefikaw minn dan is‑servizz fl‑2023.
“Il‑missjoni ta’ Fondazzjoni Sebħ għas‑snin li ġejjin hi li tkompli ttejjeb is‑servizzi residenzjali offruti mill‑Knisja, billi ssaħħaħ l‑għajnuna terapewtika u tinvesti fir‑riżorsi umani, partikolarment permezz tas‑servizzi ġodda ta’ aftercare. Dawn twaqqfu sabiex jipprovdu appoġġ kontinwu lit‑tfal li joħorġu mill‑kura residenzjali u lin‑nisa li joħorġu minn Il‑Milja waqt it‑tranżizzjoni għal ħajja indipendenti.
“Biex niksbu dan, se nkomplu nisimgħu b’mod attiv lin‑nies li naqdu, ninvolvu iktar speċjalisti u naħdmu ma’ entitajiet oħra sabiex jonqos il‑vojt fis‑soċjetà fl‑appoġġ li jingħata lin‑nisa u żgħażagħ vulnerabbli.
“L‑isforz tagħna biex aktar nies isiru jafu bix‑xogħol li tagħmel Fondazzjoni Sebħ għandu l‑għan li jsaħħaħ ir‑rwol tagħna bħala l‑vuċi tal‑persuni vulnerabbli fis‑soċjetà biex ikollhom futur aħjar u dinjituż. Il‑Knisja, permezz ta’ Sebħ, hi impenjata li tkompli l‑missjoni tagħha li tipprovdi ambjenti siguri fejn it‑tfal, iż‑żgħażagħ u l‑familji jistgħu jirnexxu,” qalet id-Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ.
Waqt il‑konferenza, Dun Martin Micallef, il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, fakkar li l‑Knisja tinsab fuq l‑għatba tal‑Ġublew tat‑Tama, u l‑Papa Franġisku stieden lill‑Insara kollha sabiex ikunu promoturi tat‑tama.
“Fondazzjoni Sebħ qed turi b’mod konkret l‑impenn imġedded tagħha biex tkun tama għal dawk kollha li jibbenefikaw mis‑servizzi tagħha. Il‑Knisja f’Malta hija impenjata li tkompli tkun ta’ appoġġ għal din il‑Fondazzjoni fl‑akkumpanjament tagħha mat‑tfal, l‑adolexxenti u l‑adulti.”
Hu rringrazzja lit‑tmexxija u l‑impjegati kollha ta’ Sebħ għax‑xogħol impekkabbli, u lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta u lill‑Gvern għall‑appoġġ kontinwu tagħhom. Irringrazzja wkoll lill‑benefatturi u lill‑poplu Malti u Għawdxi għall‑ġenerożità tagħhom.
Min jixtieq jgħin lil Fondazzjoni Sebħ sabiex tkompli toffri servizzi tal‑ogħla kwalità, kif ukoll biex tagħti servizzi ġodda, jista’ jżur sebħ.mt. Jekk teħtieġ l‑għajnuna, tista’ tikkuntattja lil Sebħ fuq 22470900 jew tibgħat email fuq [email protected].