L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bdew iċanfruh u jsikktuh” (Lq 18:39). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum, skont San Luqa, fuq il-kotra ta’ nies li kienet miexja ma’ Ġesù, u r-reazzjoni tagħhom meta semgħu lil wieħed għama li kien bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità, u jitlob: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” (Lq 18:38) Bdew iċanfruh u jsikktuh.
Ħa nħarsu ftit lejn dawn li għandhom sehem f’din il-ġrajja u naraw x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, dan il-bniedem għama. L-Evanġelju jgħid li kien “bilqiegħda mal-ġenb tat-triq” (Lq 18:35). Kien emarġinat, jitlob il-karità. Dal-bniedem kellu ħafna ostakli, fost dawn l-ostaklu li ma jistax jara. Imma kien bniedem li ma jitħassarx lilu nnifsu u jgħid: “x’tista’ tagħmel? xortija ħażina jien!”, u jibqa’ hekk. Imma kien bniedem li jara x’hemm bżonn isir. Fil-fatt, kif sema’ Ġesù li kien għaddej, beda jagħmel din it-talba: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” U l-Evanġelju jgħid li n-nies bdew isikktuh, u iktar ma jsikktuh, iktar “issokta jgħajjat” (Lq 18:39). Kien bniedem ta’ fidi, ta’ fidi qawwija. Ma setax jara, imma kellu dil-fidi li tara, qalb li tara u li tagħraf lil Ġesù. Fil-fatt, innutaw li n-nies jgħidulu “għaddej Ġesù ta’ Nażaret”, imma hu jsejjaħlu “Ġesù, bin David”, li hija stqarrija ta’ fidi fih. Imma kien bniedem ukoll ta’ determinazzjoni. Il-fidi kienet twasslu biex ikun determinat u jara x’hemm bżonn jagħmel. Hawnhekk naraw id-determinazzjoni kbira tiegħu.
Ħa nħarsu ftit lejn il-folla tan-nies. Dawn in-nies kienu mexjin ma’ Ġesù. Imma ma tantx jidher li ħafna minnhom kellhom l-istess qalb mimlija mħabba u sensittiva lejn l-oħrajn li kellu Ġesù. Fil-fatt, meta semgħuh jgħajjat, x’għamlu? Flok qalu “dal-bniedem għandu bżonn l-għajnuna, ħa nressquh lejn Ġesù”, bdew “iċanfruh u jsikktuh”. Għalihom, kien jibqa’ hemmhekk, fil-ġenb tat-triq, u huma jibqgħu għaddejjin. Il-folla kienet ostaklu għal dal-bniedem fil-bżonn.
U Ġesù? Narawh kemm-il darba imdawwar bin-nies, u miexi wkoll b’folla miegħu. Imma Ġesù qatt ma kien ikkundizzjonat mill-folla, jew għamel biex jingħoġob mal-folla. Ġesù, hu u għaddej, kif sema’ l-għajta ta’ dal-bniedem fil-bżonn, waqaf u qal lin-nies biex iressquhulu. L-istess nies li riedu jostakolaw lil dal-bniedem, qalilhom biex iressquhulu. U għandna dan id-djalogu sabiħ fejn Ġesù jistaqsih “xi tridni nagħmillek?” (Lq 18:41) biex ikun hu li jgħid, dal-bniedem li kien fil-bżonn u ltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù. U Ġesù imbagħad ifejqu u jagħtih din il-ħajja ġdida, filwaqt li jfaħħar il-fidi tiegħu u jgħidlu: “il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 18:42).
Minn din il-ġrajja hemm ħafna x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna. Minn dan il-bniedem għama, nitgħallmu l-fidi qawwija li kellu flimkien mad-determinazzjoni, għax il-fidi ma tħalliniex ningħalqu fina nfusna imma tixprunana, tmexxina, biex naraw x’hemm bżonn nagħmlu, bħalma għamel dal-bniedem. Mill-folla nitgħallmu noqogħdu attenti. Il-folla – jiġifieri x’jaħsbu n-nies – qatt ma hu waħdu kriterju ta’ dak li hu tajjeb, qisu għax in-nies qed jaħsbu hekk jew jagħmlu hekk, ħaġa hija bilfors tajba. Li kien għal dan-nies, dal-bniedem baqa’ fil-ġenb tat-triq. Il-folla tista’ tkun ta’ tfixkil flok ta’ għajnuna għalina biex naslu għand Ġesù. U minn Ġesù naraw dal-bniedem li jwasslilna din l-imħabba ta’ Alla, Alla fostna. Jagħti każ ta’ kull bniedem, għalih kull ħajja hija għażiża, u jwassal is-salvazzjoni, iwassal il-fejqan.
L-Evanġelju jispiċċa billi jgħid li dal-bniedem baqa’ miexi wara Ġesù “jagħti glorja lil Alla” (Lq 18:43). U l-poplu meta ra dan kollu, “beda jfaħħar lil Alla” (Lq 18:43). Tifħir u glorja lil Alla. Nitolbuh lill-Mulej illum biex aħna wkoll nagħrfu dak li jagħmel magħna, nagħrfu li hu dak li jrid iġib fina l-fejqan fil-ħajja tagħna; u fommna u qalbna jkunu dejjem mimlija tifħir u glorja lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju