Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Novembru, 2010, il-Kummissjoni Djoċesana Familja ser torganizza seminar għal membri tal-Kummisjoni Familja fi ħdan il-Parroċċi. F’dan is-seminar Fr. Vince Magri SJ ser jitkellem dwar il-bini ta’ Spiritwalita’ awtentika għall-koppja u għall-familja. Imma x’inhi ezattament in-natura ta’ din l-iSpiritwalita’? B’liema mod din l-imħabba bejn il-koppja tista ssir l-ingredjent ewlieni biex tipprovdi opportunitajiet uniċi biex issaħħaħ l-iSpiritwalita’ bejn il-koppja u l-familja?
Iż-Żwieġ huwa sfida biex nikbru fl-imħabba u iktar u iktar biex nirrispondu b’mod sħiħ għas-sejha t’Alla għal imħabba dejjiema. Fil-fatt il-Papa Pawlu II jaffirma dan fit-tagħlim li nsibu fil-kitbiet tiegħu. Huwa jgħallem li l-familja hija l-ewwel post fejn insibu u niskopru l-karattru u l-kwalita’ ta’ l-imħabba t’Alla. Hekk insibu li fil-familja naraw l-ewwel bini ta’ pont bejn l-irġiel u n-nisa, bejn il-kbar u ż-żgħar u bejn personalitajiet diversi. Fid-dinamika taċ-ċokon tal-familja, nitgħallmu nieħdu u naqsmu mal-membri tal-familja, kif ukoll nitgħallmu dwar il-karatteristiċi tipiċi maskili u femminili u d-doni tagħhom. Għalhekk nitgħallmu dwar il-kompromess, dwar is-sagrifiċċju u kif naqsmu ma’ ħaddiehor – dwar il-veru sinifikat ta’ l-imħabba, nitgħallmu b’mod sħiħ kif ngħatu l-imħabba u nirċevuha, speċjalment bl-għoti tagħna nfusna. B’dan il-mod is-sejha tagħna għaż-żwieġ issir is-sejħa biex ngħixu dak li nħlaqna għaliha, sejħa għall-imħabba, sejħa għall-qdusija. L-għan taż-żwieġ mhuwiex li jgħati l-imħabba perfetta imma biex il-miżżewġin jikbru lejn il-kuntentizza f’Alla, li nistgħu ngawdu biss il-qofol taghha fil-genna.
Din hi l-iSpiritwalita’ tal-koppja u tal-familja, li nippartecipaw bl-imħabba fil-pjan t’Alla mhux biss fil-familja izda wkoll lil hinn minna. Għalkemm din hija sejħa tassew speċjali, mhix waħda li ma tistax tintlaħaq, għax l-imħabba t’Alla tista’ tiġi mgħixa b’mod sħiħ fil-ħajja ta’ kuljum, billi ngħixuha fil-verita’. Fir-realta’, l-atti spiritwali fiż-żwieġ jistgħu jkopru kemm f’dawk ta’ intimita’ sesswali bejn il-koppja, jew oħrajn fejn il-koppja taħsel il-platti flimkien, kif ukoll fejn jew wieħed jew it-tnejn li huma joħorgu jaħdmu biex jipprovdu għall-familja. Il-mod kif il-koppja jittrattaw lil xulxin u l-impenn li jgħatu lil uliedhom u lil ta’madwarhom huma ukoll parti min din lis-spiritwalita’. Għalhekk il-bini ta’ din l-ispiritwalita’ awtentika fi ħdan il-koppja u l-familja hija process ta’ maturazzjoni. Dan il-proċess jirrekjedi mir-responsabiltajiet ta’ kulljum paċenzja, perseveranza u impenn lejn l-unjoni bejn il-koppja kif ukoll lejn il-familja. Barra minnhekk, biex jilħqu dan l-iskop, kemm il-mara kif ukoll ir-ragel, jeħtieġu li jinteressaw rwieħhom fl-iżvillup spiritwali ta’ xulxin u ta’ uliedhom. Dan mhux biss biex jinkorraguhom u jsostnuhom, imma biex ma jkunu qatt ta’xkiel għalihom.
Fuq kollox li nonoraw ir-rabta taż-żwieġ u li nżommuha sagra, huwa l-ewwel pass, Għax għalkemm iż-żwieġ huwa sagrament li nirċievu, il-koppja għandha titlob dejjem għall-grazzja tas-sagrament għax din l-għajnuna speċjali mingħand Alla tgħinhom jgħixu b’mod sħiħ l-impenn li titlob l-imħabba tal-koppja. Meta nonoraw ir-rabta taż-żwieġ, nkunu qed inresqu l-umanita’ lejn stat l-aktar perfett. Billi nżommu dan f’moħħna, li niskopru mill-ġdid u ngħixu l-idejal.