Fl-istess spirtu ta’ djalogu u responsabbiltà li mmotivaw lit-Tribunali Ekkleżjastiċi Maltin biex f’Jannar li għadda jorganizzaw l-ewwel inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja, it-Tribunali tal-Ewwel u t-Tieni Istanza tal-Arċidjoċesi ta’ Malta riċentement organizzaw seminar għall-iżvilupp professjonali għall-imħallfin, għall-awdituri, għall-kanċillieri u għad-difensuri taż-żwieġ.
Is-seminar, li ffoka fuq id-djalogu bejn il-psikologi u l-imħallfin, ġie mmoderat mill-psikologi Rev. Prof. Paul Galea u Dr Roberta Holland. Huma semmew ukoll diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-assessjar u r-rapporti psikoloġiċi fil-każijiet tan-nullità taż-żwieġ.
Minbarra l-iskop ta’ formazzjoni, dan is-seminar serva bħala l-ewwel pass għal ħidma aktar komprensiva u miftiehma b’mod reċiproku bejn il-psikologi u t-tribunali.
Fil-messaġġ tal-għeluq tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna faħħar din l-inizjattiva u ħeġġeġ biex dawn is-seminars isiru regolarment sabiex jitjieb il-ministeru pastorali tal-Knisja mal-persuni li jfittxu s-servizzi tat-tribunali tagħha.