Is-Sibt 22 ta’ Frar ġie organizzat nofstanhar seminar bejn il-persuni li jokkupaw kariga ta’ tmexxija fid-diversi friegħi u gruppi tal-Azzjoni Kattolika Maltija. F’dan is-seminar ipparteċipaw kważi 50 persuna b’etajiet li jvarjaw bejn l-20 u ‘l fuq minn 70 sena. Mumenti organizzati bħal dawn jgħinu lil dawn il-persuni mhux biss ikomplu jsiru jafu lil xulxin, iżda biex ikomplu jesprimu l-pożittiv u jiddiskutu l-isfidi li jiffaċċjaw fil-missjoni tagħhom u biex ikunu ukoll ta’ sapport għal xulxin. Dan is-seminar ġet organizzat propju fi Frar għar-raġuni li din il-ġimgħa l-Azzjoni Kattolika ċċelebrat il-95 Sena Anniversarju tat-twaqqaif tagħha f’Malta.
It-tema li ntagħżlet għas-seminar din is-sena kienet il-Passat, il-Preżent u l-Futur. Dawn il-membri u voluntiera ltaqgħu kmieni filgħodu fid-Dar tal-Providenza is-Siġġiewi u waqt li xorbu t-te u l-kafé flimkien, setgħu wkoll jaqraw dwar l-istorja tal-AKM li kienet esebita madwarhom, sabiex il-passat dejjem jista’ jibqa’ jitfakkar. Il-programm ippreparat beda billi Marija Cachia, il-President tal-AKM, ippreżentat l-istatistika tas-sitwazzjoni realistika tal-ammont ta’ membri u gruppi fi ħdan l-AKM. B’hekk il-parteċipanti preżenti kellhom stampa ċara tal-preżent tal-għaqda. Sabiex jibdew jaħdmu fuq pjan għall-futur tal-għaqda, il-membri ġew ippreżentati bi 3 xenarji differenti biex jimmaġinaw fżliema sitwazzjoni possibilment tkun l-AKM fi żmien 5 snin. L-ewwel xenarju kien jiddeskrivi l-għaqda li qed tiċelebra il-100 sena tat-twaqqaf tagħha f’Malta. Xenarju ieħor kien fejn tirrenja l-istatus quo u ma kien hemm l-ebda progress jew tibdil fl-organizzazzjoni. L-aħħar xenarju kienet it-tħabbira tal-mewt tal-organizzazzjoni.
Fi gruppi iżgħar il-membri kellhom jiddiskutu flimkien dawn it-tlett ix-xenarji differenti u jiddeċiedu fejn jixtiequ jieħdu lill-Azzjoni Kattolika Maltija fil-5 snin li ġejjin. Hekk kif l-AKM għaddejja ukoll mill-proċess tal-għażla għall-Presidenza u diversi karigi oħra għat-terminu bejn l-2025 u l-2028, hemm ukoll il-bżonn li tinbena l-viżjoni u l-pjan ta’ ħidma għas-snin li ġejjin. Waqt il-workshops il-membri kellhom l-opportunità jiġġeneraw ideat ġodda u joħorġu b’lista ta’ priojoritajiet li l-organizzazzjoni għandha tiffoka fuqhom u jissuġġerixxu numru ta’ azzjonijiet meħtieġa biex l-għaqda tasal għal dawn ir-riżultati essenzjali.
Il-workshops ġew konklużi permezz tal-quddiesa, fejn il-membri komplew jirreflettu fuq l-iskop, l-għan u r-raġuni għalfejn huma parti minn din l-għaqda u x’inhu dak li jimmotivahom fl-Azzjoni Kattolika u għalfejn jagħmlu dak li jagħmlu. Wara l-programm kien hemm l-ispazju fejn il-membri setgħu jissoċjalizzaw u jieklu xi ħaġa flimkien.