Il-Ħadd filgħodu l-Papa Benedittu XVI ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jniedi sena speċjali ddedikata lill-Fidi, propju bejn il-11 t’Ottubru tas-sena 2012, li jaħbat il-50 anniversarju tal-Konċilju Vatikan II, u l-24 ta’ Novembru 2013, festa ta’ Kristu Sultan.
Fi kliemu, dan se jagħmlu biex tiġġedded il-missjoni tal-Knisja universali fl-impenn tagħha li toħroġ lill-bniedem mid-dezert, li ħafna drabi jispiċċa fih tul ħajtu, u tressqu lejn il-ħajja li jaf jagħtiha biss fil-milja tagħha, Kristu.
Is-Sena ddedikata lill-Fidi qal li “se tkun mument ta’ grazzja u impenn lejn konverzjoni aktar sħiħa lejn Alla, lejn tisħiħ tal-fidi tagħna fih u lejn iktar xhieda ħajja tiegħu fost il-bnedmin fid-dinja tal-lum”.
Il-Papa dar fuq l-udjenza tiegħu u qal, “Intom il-protagonisti tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja trid tmexxi ‘il quddiem, mhux mingħajr diffikultajiet, imma bl-istess entuzjazmu tal-Insara tal-bidu. Ħa tkun Marija, Omm Alla, il-gwida tagħna, il-mudell li fuqu nitgħallmu nkunu umli, fl-istess waqt kuraġġuzi, sempliċi u prudenti, u mimljin qawwa, mhux dik li ġejja mid-dinja, izda l-qawwa tal-verita”.