L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-Mulej jibgħat tnejn u sebgħin dixxipli oħra” (Lq 10:1). Huwa numru kbir imma jgħidilhom li “il-ħsad huwa kbir tassew” (Lq 10:2). Nimmaġina li l-Ministru jkollu l-istess dilemma meta jħares lejn il-bżonnijiet tal-ġustizzja u jgħid li verament l-għalqa hija kbira. Hemm bżonn li wieħed jaħdem fuq li jaħdem biex is-servizz li jingħata jkun effiċjenti u ta’ kwalità.

Ġesù juża’ frażi li nixtieq nirrifletti ftit fuqha u nsellem lilkom fil-bidu ta’ sena ġdida ta’ servizz għall-ġustizzja fil-Qrati tal-Ġustizzja. “Ara qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Lq 10:3). L-immaġini hija qawwija ħafna għax il-ħaruf huwa ħafna drabi mingħajr difiża. Il-Mulej jirriskja meta jibgħat id-dixxipli tiegħu fid-dinja u jifhem li l-ambjent jista’ jkun ostili ħafna.

Fl-Evanġelju, Ġesù wkoll jispjega din il-frażi billi jagħtina l-mezzi ta’ sopravvivenza f’ambjent ta’ lpup. Jgħidilna: “Kunu safja u għaqlin”.  L-imħallef jew il-maġistrat m’għandux jibża’ meta jħossu ħaruf imdawwar bl-ilpup għaliex jekk ikun safi u integru, għaqli — u t-tnejn hemm bżonnhom — allura jkollu dak kollu neċessarju biex jieqaf lill-ilpup tal-arroganza, tal-vjolenza, tal-korruzzjoni, tal-gideb u ta’ kull illegalità. Is-safa tal-integrità tal-ħajja, l-għaqal li ġej mix-xjenza, mill-preparazzjoni u mill-kollaborazzjoni.

Mhux ta’ b’xejn intom, bis-servizz li tagħtu lill-pajjiż, toħolqu l-ġurisprudenza, il-prudenza tad-dritt, iuris prudentia. Il-liġi mhijiex biżżejjed, id-dritt mhuwiex biżżejjed. Fl-imħallef irid ikun hemm il-kapaċità li b’umilta kbira jqis iċ-ċirkustanzi tal-każ u japplika l-prinċipji tal-liġi għall-każ konkret, dak li l-Griegi kienu jsejħulu l-epikeia. Jiġifieri li l-prudenza li tagħtik dawl biżżejjed li tapplika l-ispirtu tal-liġi u l-prinċipju li jissalvagwardja l-ġid komuni fir-ruħ ta’ kull liġi ta’ vera għal kaz partikolari. Għax inti m’intix robot, m’intix timbru.

… ninkoraġġikom tkunu strumenti ta’ paċi fis-soċjetà.

Il-prudenza tgħinek tevita l-esaġerazzjoni tal-ittra ħarxa waqt li tiftakar dak li Ċiċerun, kollega straordinarju li ddefenda anke lil Malta u l-ġid tagħha kontra Verres, f’De Officiis jgħid: “Summum ius, summa iniuria. Meta inti tieqaf fuq l-ittra tal-liġi, tapplikaha mingħajr ma tirraġuna, mingħajr epikeia, mingħajr prudenza, u mingħajr qalb, minflok il-ġustizzja, tkun qed tagħmel inġustizzja. Hekk ukoll l-estrem l-ieħor ta’ laxkezza, li kollox jgħaddi. Mela s-safa tal-integrità u l-għaqal tal-prudenza.

Il-Mulej jgħallem lid-dixxipli tiegħu biex ma jħarsu lejn xejn imma li jagħmlu l-missjoni tagħhom. Il-missjoni tagħhom hija li jġibu l-paċi. Nixtieq nikkonkludi dan l-awgurju qasir tiegħi fil-bidu ta’ din is-sena ġdida forensi ta’ servizz għall-ġustizzja, billi mhux biss nirringrazzjakom imma ninkoraġġikom tkunu strumenti ta’ paċi fis-soċjetà.

L-ewwel nett ħadd ma jagħti milli m’għandux. Il-ġudizzju tal-imħallef u d-deċiżjoni tal-maġistrat iridu jiġu mhux biss mix-xjenza imma wkoll mill-kuxjenza. Trid tiġi minn espressjoni ta’ ekwilibriju, ta’ fairness, imma wkoll ta’ kuraġġ. Dan se jkun il-paċi ta’ qalbkom. Jekk hemm xi ħaġa li tittormentak, m’għandekx is-serenità neċessarja biex tagħti ġudizzju. Il-ġudizzju vera, dak ġust, iħalli fl-imħallef togħma bnina ta’ serenità. Għamilt id-dover tiegħi.

… l-ebda mħallef ma jista’ jkun imħallef ta’ vera jekk ikun kodard, jekk jibża’ minn dellu.

Intom u tippromwovu l-paċi lis-soċjetà, tridu tibdew mill-paċi u-s-serenità tal-qalb tagħkom li hija għajn li minnha joħorġu l-espressjonijiet tal-prudenza tagħkom. Imma mbagħad tridu tibnu paċi fis-soċjetà permezz tas-servizz tagħkom għall-ġustizzja, li trid tkun mibnija fuq il-verità u mhux fuq il-gidba, fuq il-kuraġġ, għax l-ebda mħallef ma jista’ jkun imħallef ta’ vera jekk ikun kodard, jekk jibża’ minn dellu. Il-paċi li ġġibu intom fis-soċjetà hija dik li anke min ma jaqbilx se jkollu jbagħti l-konsegwenzi ta’ għemilu, fil-qalb tiegħu, u fil-kuxjenza tiegħu jgħid li l-imħallef kellu raġun.

Aħna għandna għatx kbir għal din il-paċi; il-paċi li tiġi mill-ġustizzja. Mhux kulħadd se jilqagħha. Ġesù avża wkoll lid-dixxipli tiegħu li t-tislima tagħhom mhux dejjem se tkun milqugħa (ara Lq 10:10). Dan m’għandux jaqtagħlna qalbna. Il-Mulej, li bagħat id-dixxipli tiegħu bħal ħrief qalb l-ilpup, ikun ukoll il-qawwa u l-faraġ tagħkom permezz tal-Ispirtu qaddis tiegħu.

F’isem il-poplu nirringrazzjawkom talli dħaltu għal dan ix-xogħol ingrat imma tant neċessarju.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19, 21-27
Salm: 26 (27), 7-8a.8b-9abċ.13-14
Evanġelju: Lq 10, 1-12

More Photos >>