L-Arċidjoċesi ta’ Malta se tagħti b’self sitt statwi tal-kartapesta indurati lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jintramaw fuq l-artal maġġur tal-kappella tal-ħabs.
Dawn l-istatwi, magħrufa bħala ‘Apostolato’, huma proprjetà tal-Knisja ta’ San Nikola (Tal-Erwieħ) tal-Belt Valletta. Storikament amministrata mis-Sodalità tal-Erwieħ tal-Purgatorju, fl-aħħar snin din il-knisja reġgħet għaddiet f’idejn il-Parroċċa Griega Kattolika li lilha taf il-fundazzjoni tagħha. Bi ftehim mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, illum il-knisja qed taqdi il-bżonnijiet tal-komunità Griega Ortodossa.
Għada l-Ħadd, 13 ta’ Marzu 2022, dawn l-istatwi se jintramaw fil-kappella tal-ħabs għall-quddiesa tat-Tieni Ħadd tar-Randan immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna. Il-quddiesa tibda fid-9:30am u se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.