L-NGO Life Network qed tappella lill-Gvern Malti biex ifittex is-servizzi tal-aħjar avukati fil-pajjiż biex jipproteġu l-ħajja fil-każ kostituzzjonali li fetħet il-mara Amerikana li t-talba tagħha biex tiġi tterminata t-tqala mhux vijabbli tagħha ġiet rifjutata.

Andrea Prudente u l-partner tagħha Jay kienu fuq btala f’Malta aktar kmieni din is-sena. Prudente kienet 16-il ġimgħa tqila meta bdiet tara d-demm waqt li kienet fuq btala f’Malta. It-tobba qalulha li s-sekonda kienet parzjalment maqlugħa u li t-tqala tagħha ma kinitx aktar vijabbli.

Minħabba li l-fetu kien għad kellu qalbu tħabbat, ma setgħux itemmu t-tqala.

Wara li daħħlet il-polza tal-assikurazzjoni, il-mara u s-sieħeb tagħha eventwalment ġew trasportati bl-ajru lejn Mallorca fi Spanja fejn temmet it-tqala.

Permezz tal-avukat tagħhom Lara Dimitrijevic, Prudente fetħet każ fil-Prim Awla fil-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, il-Ministru għas-Saħħa u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza. Hi qed titlob biex il-projbizzjoni tal-abort tal-Istat Malti jiġi ddikjarat mhux kostituzzjonali.

Life Network qalet li m’hemmx bżonn l-abort f’Malta biex in-nisa tqal ikunu protetti.

Waqt l-omelija fil-festa tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista, l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li “ma hemmx għalfejn nintroduċu l-abort biex insalvaw lill-omm” u li jekk ma tistax tiġi salvata t-tarbija, l-ebda liġi ma tgħidlek li l-omm titħalla tmut.

L-attivist Peppi Azzopardi qal li f’każi bħal dawn għandu jkun hemm avukat li jirrappreżenta lit-tarbija.

“Mhux sew li dawn it-trabi li se jkunu maqtula ma jkollhomx min jiddefendihom,” sostna Azzopardi.

F’Settembru, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern jinsab lest biex jiżvela sensiela ta’ proposti li jindirizzaw ir-regoli tal-abort li jxekklu lill-professjonisti mediċi milli jsalvaw ħajjet l-ommijiet f’każijiet ta’ tqala mhux vijabbli.

Iżda l-bidliet mhux se “jiftħu t-twieqi fejn tidħol terminazzjoni tat-tqala,” assigura Fearne l-Ġimgħa. L-emendi huma mistennija li jiġu ppreżentati fil-parlament ladarba l-Membri Parlamentari jerġgħu jiltaqgħu f’Ottubru.

Sors: Newsbook Malta