Simpożju t’erbat ijiem fl-Universita Gregorjana f’Ruma bit-tema “Lejn Fejqan u Tiġdid” intemm bit-tnedija ta’ portal ġdid tal-internet b’informazzjoni u taħriġ lil kull min hu nvolut fil-protezzjoni tat-tfal fi ħdan il-Knisja.
Il-portal, aċċessibbli bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bit-Taljan u bil-Ġermaniż, huwa inizjattiva li qed tiġi deskritta bħala pass ‘il quddiem fil-ħidma lejn approċ aħjar tal-Knisja quddiem il-problema tal-abbużi sesswali mwettqa minn membri tal-kleru.
Intqal li l-portal multilingwi imsejjaħ ‘Centre for Child Protection’, ibbażat fl-Arċidjoċesi ta’ Munich u Freising, għandu l-għan li jgħin lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti u lill-mexxejja pastorali biex jiżviluppaw approċ globali għall-problema tal-abbużi, mhux biss fi ħdan il-Knisja, iżda fis-soċjeta inġenerali. B’fondi ġejjin minn għadd ta’ djoċesijiet, kif ukoll minn benefatturi privati, il-proġett hu disinjat li jitħaddem fuq perjodu ta’ tliet snin b’appoġġ xjentifiku ta’ esperti mill-klinika universitarja ta’ Ulm fil-Ġermanja kif ukoll mid-dipartiment tal-Psikoloġija fi ħdan l-Universita Gregorjana Pontifiċja.
Il-parteċipanti tas-simpożju kienu jinkludu rappreżentanti tal-konferenzi episkopali minn madwar 100 pajjiż madwar id-dinja, kif ukoll retturi ta’ seminarji u kapijiet ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi.