Sinodu 2021-2024
Il-Knisja hija msejħa għas-Sinodu. Din is-sejħa għamilha l-Papa Franġisku sabiex il-Knisja kollha tixtarr u tistaqsi dwar is-sinodalità:
il-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.
X'inhu Sinodu?
Il-kelma ‘Sinodu’ tfisser assemblea u hija okkażjoni ta’ laqgħa, smigħ u riflessjoni. Is-Sinodu hu magħruf l-iktar bħala ċelebrazzjoni ta’ laqgħat ekkleżjali u ġemgħat tal-Isqfijiet u l-protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu.
X'inhi s-sinodalità
- Hija mixja flimkien
- Hija t-triq li biha l-Knisja titgħallem
- Hija s-sejħa għat-tiġdid taħt l-azzjoni tal-Ispirtu u grazzi għas-smigħ tal-Kelma
- Hija il-mod ta' kif tgħix u taħdem (modus vivendi et operandi) il-Knisja Poplu ta’ Alla
- Hija turija ta' Knisja li twettaq b'mod konkret il-komunjoni
- Hija l-Knisja li tinġema' u tagħti sehem attiv lill-membri tagħha fil-missjoni tagħha ta' Evanġelizzazzjoni
Konsultazzjoni mal-Poplu ta’ Alla
Il-Knisja ta’ Alla qed tiġi msejħa għal Sinodu bejn is-snin 2021-2024 bit-tema “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni”. B’din is-sejħa, il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Knisja kollha biex tirrifletti fuq tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tagħha. B’hekk kull parroċċa f’Malta hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha.
L-għan tas-Sinodu mhuwiex li jipproduċu dokumenti, imma li “nnibbtu ħolmiet ġodda, jitqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, nistimulaw fiduċja, ninfaxxaw il-ġrieħi, ninsġu relazzjonijiet, intellgħu żerniq ta’ tama, nitgħallmu minn xulxin, u noħolqu immaġinarju pożittiv li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn” (Il-Papa Franġisku).
Stadju Kontinentali
"Kabbar il-post tal-għarix tiegħek" (Iż 54:2)
L-Istadju Kontinentali jikkonsisti fi żmien ta’ smigħ u dixxerniment tal-Poplu ta’ Alla kollu u tal-Knejjes lokali kollha fuq bażi kontinentali, li jwassal għal sensiela ta’ assemblej kontinentali. Dan mhuwiex replikazzjoni tal-konsultazzjoni, is-smigħ u d-dixxerniment li diġà saru, li kienet stedina għall-Poplu ta’ Alla kollu. Dan huwa, pjuttost, approfondiment ta’ dak il-proċess ta’ dixxerniment min-nies identifikati biex jirrappreżentaw lill-Knejjes lokali fil-proċessi ta’ qabel l-assemblea qabel kull Assemblea Kontinentali. Huwa mifhum li se jkun hemm differenzi fl-approċċ li jqisu l-prattiki stabbiliti, l-elementi kulturali u lingwistiċi, il-ġeografija, u l-loġistika ta’ kull kontinent.
Dan l-Istadju Kontinentali huwa mmarkat bid-Dokument għall-Istadju Kontinentali, inkiteb wara riflessjoni bir-reqqa fuq il-frott tal-ewwel stadju minn sinteżi tal-Konferenzi Episkopali kollha tal-Knisja Universali, kif ukoll tal-Knejjes tal-Lvant, u gruppi bħal Istituti Reliġjużi, Movimenti Lajċi u oħrajn. Tista’ taqra dan id-dokument hawn isfel.
Ipparteċipa f'dan l-Istadju
Stadju Lokali
Sintezi tal-Proċess Sinodali
Is-sinteżi tal-Proċess Sinodali ppreżentat mill-Konferenza Episkopali Maltija lis-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, tirrifletti fuq it-temi ewlenin li ħarġu mill-proċess ta’ smigħ li sar matul ix-xhur li għaddew fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-varjetà ta’ inizjattivi li saru matul dan il-vjaġġ ta’ smigħ reċiproku ġew magħquda flimkien biex jagħtu stampa tal-proċess sinodali fi ħdan il-Knisja f’Malta.
Konsultazzjoni mal-Knisja f’Malta
Bħala Knisja f’Malta, aħna msejħin sabiex nirriflettu fuq it-tema tas-Sinodu. Kull parroċċa hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha biex b’hekk tgħix iktar f’komunjoni, b’parteċipazzjoni sħiħa li tgħinna tinfetaħ għall-missjoni.
Din il-konsultazzjoni torbot ukoll mal-mixja ta’ tiġdid li qed nagħmlu bħala Knisja f’Malta permezz tal-proċess ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fejn qed nirriflettu fuq l-erba’ temi:
1. Knisja li Tisma’
Kontemplazzjoni - ħarsa li toħroġ is-sbuħija fl-oħrajn
2. Knisja li Tilqa’
Rikonċiljazzjoni – ħarsa li tfittex u li tikkomunika l-ħniena
3. Knisja li Takkumpanja
Formazzjoni – ħarsa li tilqa’ u tiltaqa’ mal-oħrajn
4. Knisja li Toħroġ
Missjoni bħala qadi – inwasslu l-ħarsa tiegħu fuq id-dinja
Għaliex għandna nagħtu sehemna
Din hija opportunità ta':
Dixxerniment
personali u komunitarju
Qsim
tal-esperjenzi mgħixa tal-fidi tagħna
Nimmaġinaw u nikkreaw
futur differenti għall-missjoni tagħna bħala Knisja
Nikkontribwixxu
għall-ġid tal-Knisja universali
Id-dixxerniment fil-fażi lokali
Dawn huma l-linji gwida ta’ kif isir il-proċess ta’ dixxerniment sabiex jintlaħaq l-għan tas-Sinodu b’mod konkret u prattiku.
Id-dokument tas-Sinodu jipprovdi 10 temi għad-dixxerniment, kif ġej:
I. IS-SIEĦBA FIL-VJAĠĠ
Fil-Knisja u fis-soċjetà ninsabu maġenb xulxin fl-istess triq.
II. NISIMGĦU
Is-smigħ huwa l-ewwel pass, imma jitlob li nżommu moħħna u qalbna miftuħa, mingħajr preġudizzji.
III. NIEĦDU L-KELMA F’IDEJNA
Ilkoll aħna msejħin nitkellmu bil-kuraġġ u l-parresia, jiġifieri billi nħaddmu flimkien libertà, verità u mħabba.
IV. NIĊĊELEBRAW
Nistgħu “nimxu flimkien” biss jekk nibnu fuq is-smigħ komunitarju tal-Kelma u fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
V. KORRESPONSABBLI FIL-MISSJONI
Is-sinodalità qiegħda għas-servizz tal-missjoni tal-Knisja, li fiha l-membri kollha tagħha huma msejħin jipparteċipaw.
VI. NIDDJALOGAW FIL-KNISJA U FIS-SOĊJETÀ
Id-djalogu huwa mixja ta’ perseveranza, li tiġbor fiha wkoll silenzji u tbatijiet, imma li kapaċi tilqa’ l-esperjenza tal-persuni u tal-popli.
VII. MAL-KONFESSJONIJIET INSARA L-OĦRA
Id-djalogu bejn l-Insara ta’ diversi konfessjonijiet, imxierka flimkien minn Magħmudija waħda, għandu post partikulari fil-mixja sinodali.
VIII. AWTORITÀ U PARTEĊIPAZZJONI
Knisja sinodali hija Knisja parteċipattiva u korresponsabbli.
IX. NIDDIXXERNU U NIDDEĊIEDU
Fi stil sinodali niddeċiedu b’dixxerniment, skont kunsens li joħroġ millubbidjenza komuni għall-Ispirtu.
X. NIFFURMAW RUĦNA GĦAS-SINODALITÀ
L-ispiritwalità li nimxu flimkien hi msejħa ssir prinċipju edukattiv għallformazzjoni tal-persuna umana u tan-Nisrani, tal-familji u tal-komunitajiet.
- Ibda il-proċess ta’ dixxerniment billi tgħaddi ftit ħin ta’ talb fis-silenzju.
- Itlob it-Talba tas-Sinodu.
- Irrifletti fuq dawn il-punti:
- “Knisja sinodali, hija u xxandar l-Evanġelju, “timxi flimkien”
- Kif tista’ din il-“mixja flimkien” titwettaq illum fil-Knisja partikulari tagħna?
- Liema passi l-Ispirtu qed jistedinna nwettqu biex nikbru fil-“mixja flimkien” tagħna?
- Agħlaq b’talba ta’ ringrazzjament lil Alla.
- Ibgħat t-tweġibiet tiegħek fuq [email protected]