Sinodu

Sinodu 2021-2023

Il-Knisja hija msejħa għas-Sinodu. Din is-sejħa għamilha l-Papa Franġisku sabiex il-Knisja kollha tixtarr u tistaqsi dwar is-sinodalità:
il-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

Sintezi tal-Proċess Sinodali

Is-sinteżi tal-Proċess Sinodali ppreżentat mill-Konferenza Episkopali Maltija lis-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, tirrifletti fuq it-temi ewlenin li ħarġu mill-proċess ta’ smigħ li sar matul ix-xhur li għaddew fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Il-varjetà ta’ inizjattivi li saru matul dan il-vjaġġ ta’ smigħ reċiproku ġew magħquda flimkien biex jagħtu stampa tal-proċess sinodali fi ħdan il-Knisja f’Malta.

X'inhu Sinodu?

Il-kelma ‘Sinodu’ tfisser assemblea u hija okkażjoni ta’ laqgħa, smigħ u riflessjoni. Is-Sinodu hu magħruf l-iktar bħala ċelebrazzjoni ta’ laqgħat ekkleżjali u ġemgħat tal-Isqfijiet u l-protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu.

X'inhi s-sinodalità

  • Hija mixja flimkien
  • Hija t-triq li biha l-Knisja titgħallem
  • Hija s-sejħa għat-tiġdid taħt l-azzjoni tal-Ispirtu u grazzi għas-smigħ tal-Kelma
  • Hija il-mod ta' kif tgħix u taħdem (modus vivendi et operandi) il-Knisja Poplu ta’ Alla
  • Hija turija ta' Knisja li twettaq b'mod konkret il-komunjoni
  • Hija l-Knisja li tinġema' u tagħti sehem attiv lill-membri tagħha fil-missjoni tagħha ta' Evanġelizzazzjoni

Konsultazzjoni mal-Poplu ta’ Alla

Il-Knisja ta’ Alla qed tiġi msejħa għal Sinodu bejn is-snin 2021-2023 bit-tema “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni”. B’din is-sejħa, il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Knisja kollha biex tirrifletti fuq tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tagħha. B’hekk kull parroċċa f’Malta hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha.

L-għan tas-Sinodu mhuwiex li jipproduċu dokumenti, imma li “nnibbtu ħolmiet ġodda, jitqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, nistimulaw fiduċja, ninfaxxaw il-ġrieħi, ninsġu relazzjonijiet, intellgħu żerniq ta’ tama, nitgħallmu minn xulxin, u noħolqu immaġinarju pożittiv  li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn” (Il-Papa Franġisku).

Konsultazzjoni mal-Knisja f’Malta

Bħala Knisja f’Malta, aħna msejħin sabiex nirriflettu fuq it-tema tas-Sinodu. Kull parroċċa hi msejħa biex tiddixxerni u tiffoka fuq dawk l-aspetti tas-sinodalità li huma l-iktar relevanti għar-realtà tagħha biex b’hekk tgħix iktar f’komunjoni, b’parteċipazzjoni sħiħa li tgħinna tinfetaħ għall-missjoni.

Din il-konsultazzjoni torbot ukoll mal-mixja ta’ tiġdid li qed nagħmlu bħala Knisja f’Malta permezz tal-proċess ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fejn qed nirriflettu fuq l-erba’ temi:

1. Knisja li Tisma’

Kontemplazzjoni - ħarsa li toħroġ is-sbuħija fl-oħrajn

2. Knisja li Tilqa’

Rikonċiljazzjoni – ħarsa li tfittex u li tikkomunika l-ħniena

3. Knisja li Takkumpanja

Formazzjoni – ħarsa li tilqa’ u tiltaqa’ mal-oħrajn

4. Knisja li Toħroġ

Missjoni bħala qadi – inwasslu l-ħarsa tiegħu fuq id-dinja

Għaliex għandna nagħtu sehemna

Din hija opportunità ta':​

Dixxerniment

personali u komunitarju

Qsim

tal-esperjenzi mgħixa tal-fidi tagħna

Nimmaġinaw u nikkreaw

futur differenti għall-missjoni tagħna bħala Knisja

Nikkontribwixxu

għall-ġid tal-Knisja universali

Id-dixxerniment

Dawn huma l-linji gwida ta’ kif isir il-proċess ta’ dixxerniment sabiex jintlaħaq l-għan tas-Sinodu b’mod konkret u prattiku.

Id-dokument tas-Sinodu jipprovdi 10 temi għad-dixxerniment, kif ġej:

I. IS-SIEĦBA FIL-VJAĠĠ
Fil-Knisja u fis-soċjetà ninsabu maġenb xulxin fl-istess triq.

II. NISIMGĦU
Is-smigħ huwa l-ewwel pass, imma jitlob li nżommu moħħna u qalbna miftuħa, mingħajr preġudizzji.

III. NIEĦDU L-KELMA F’IDEJNA
Ilkoll aħna msejħin nitkellmu bil-kuraġġ u l-parresia, jiġifieri billi nħaddmu flimkien libertà, verità u mħabba.

IV. NIĊĊELEBRAW
Nistgħu “nimxu flimkien” biss jekk nibnu fuq is-smigħ komunitarju tal-Kelma u fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

V. KORRESPONSABBLI FIL-MISSJONI
Is-sinodalità qiegħda għas-servizz tal-missjoni tal-Knisja, li fiha l-membri kollha tagħha huma msejħin jipparteċipaw.

VI. NIDDJALOGAW FIL-KNISJA U FIS-SOĊJETÀ
Id-djalogu huwa mixja ta’ perseveranza, li tiġbor fiha wkoll silenzji u tbatijiet, imma li kapaċi tilqa’ l-esperjenza tal-persuni u tal-popli.

VII. MAL-KONFESSJONIJIET INSARA L-OĦRA
Id-djalogu bejn l-Insara ta’ diversi konfessjonijiet, imxierka flimkien minn Magħmudija waħda, għandu post partikulari fil-mixja sinodali.

VIII. AWTORITÀ U PARTEĊIPAZZJONI
Knisja sinodali hija Knisja parteċipattiva u korresponsabbli.

IX. NIDDIXXERNU U NIDDEĊIEDU
Fi stil sinodali niddeċiedu b’dixxerniment, skont kunsens li joħroġ millubbidjenza komuni għall-Ispirtu.

X. NIFFURMAW RUĦNA GĦAS-SINODALITÀ
L-ispiritwalità li nimxu flimkien hi msejħa ssir prinċipju edukattiv għallformazzjoni tal-persuna umana u tan-Nisrani, tal-familji u tal-komunitajiet.

  1. Ibda il-proċess ta’ dixxerniment billi tgħaddi ftit ħin ta’ talb fis-silenzju.
  2. Itlob it-Talba tas-Sinodu.
  3. Irrifletti fuq dawn il-punti:
    • “Knisja sinodali, hija u xxandar l-Evanġelju, “timxi flimkien”
    • Kif tista’ din il-“mixja flimkien” titwettaq illum fil-Knisja partikulari tagħna?
    • Liema passi l-Ispirtu qed jistedinna nwettqu biex nikbru fil-“mixja flimkien” tagħna?
  4. Agħlaq b’talba ta’ ringrazzjament lil Alla.
  5. Ibgħat t-tweġibiet tiegħek fuq [email protected]

Ipparteċipa