Fil-5.30pm reġgħet ma dehret ebda daħna bajda. Sadattant, dalgħodu, għat-tieni darba, miċ-ċumnija tal-kappella Sistina deher ħiereġ duħħan iswed, li kien ifisser li l-Papa l-ġdid kien għadu mhux magħżul. Din it-tieni daħna waslet għal ħabta ta’ 11:39am. U la sa issa għadha ma dehret ebda daħna bajda, għajnejn id-dinja, partikolarment dik kattolika, tiffoka mill-ġdid fuq iċ-ċumnija fuq il-Kappella Sistina bejn is-7pm u t-8pm. Ilbieraħ filgħaxija duħħan iswed tfaċċa qrib it-7.50pm. F’dan ix-xenarju, b’kollox illum ikunu saru erba’ votazzjonijiet.
Dalgħodu, il-kardinali ċċelebraw quddies flimkien, u segwa talb fil-Kappella Sistina.
Huma reġgħu ltaqgħu fil-Kappella Sistina għall-ħabta tal-4pm, u ssuktaw jivvutaw.
Is-sistema tinħadem b’mod li jekk id-duħħan joħroġ fl-10.30am jew fil-5.30pm ikun ifisser li ġie elett Papa. Jekk le, wieħed jistenna duħħan iswed iżjed tard.
Il-115-il Kardinal fil-preżent qed jgħixu ġewwa l-lukanda Santa Marta, fil-Vatikan stess. Huma jgħixu hemmhekk matul il-konklavi, mingħajr kuntatt mad-dinja ta’ barra.
Jekk il-Papa ma jiġix elett sa nhar il-Ġimgħa, il-Kardinali jagħmlu ġurnata ta’ talb u riflessjoni nhar is-Sibt, qabel ma jerġgħu jibdew jivvutaw.
Sadattant, iktar kmieni llum indirizza l-media d-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita, Patri Federico Lombardi sj, li qal li l-eċċitament qed jiżdied f’dawn il-mumenti li l-Knisja qed tgħix esperjenza speċjali u partikolari, li ddeskrivieha bħala serena. Qal li hu normali li fl-ewwel votazzjonijiet ir-riżultat ikun negattiv.