Il-Papa Benedittu XVI ħatar lis-saċerdot Malti, Mons Antoine Camilleri bħala Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti. F’dan ir-rwol Mons Camilleri se jgħin u meta meħtieġ, saħansitra jieħu post is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati, l-Arċisqof Domenique Mamberti, fir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Santa Sede.
Il-ħidma tinvolvi r-relazzjonijiet kollha tas-Santa Sede mal-komunita internazzjonali u l-gvernijiet ċivili kif ukoll il-promozzjoni tal-ġid tal-Knisja u s-soċjeta madwar id-dinja. Dan isir permezz tal-kuntatti diplomatiċi kif ukoll ftehim bejn il-pajjiżi u l-Vatikan.
Mons Antoine Camilleri huwa mill-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema u għandu 48 sena.
Gradwa fil-Liġi mill-Universita ta’ Malta fl-1988 u kien ordnat qassis fl-1991. Serva bħala viċi-kappillan fil-Ġżira. Fl-1992, kompla bl-istudji tiegħu f’Ruma u fl-1992 wasal lura Malta fejn serva fit-Tribunal Ekkleżjastiku.
Huwa ngħaqad mas-servizz diplomatiku tas-Santa Sede f’Jannar tal-1999. Huwa serva f’bosta pajjiżi bħala Nunzju Appostoliku – Papua New Guinea u Solomon Islands (1999-2002), Uganda (2002-05) u Kuba (2005-06)
Mill-2006 huwa ħadem fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan bħala Uffiċjal fis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet mal-pajjiżi differenti. Kien ukoll Segretarju Privat tal-Arċisqof Dominique Mamberti, is-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet mal-Istati.