L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Alla ma taniex spirtu ta’ biża’ imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ imħabba u ta’ rażan” (2Tim 1:7). Dan hu li San Pawl jgħid lil Timotju fit-tieni Ittra tiegħu – smajniha fl-ewwel qari – u dan jiġbor ukoll il-messaġġ li Ġesù ta lil dawn it-72 dixxiplu li hu għażel biex imorru “qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu” (Lq 10:1).
Ġesù għażel dawn it-72 u ried illi jkollhom missjoni – imorru qablu, jgħidilhom ukoll xi struzzjonijiet kif rajna fl-Evanġelju. Għalihom din kienet xi ħaġa ġdida – qatt ma kienu marru f’isem Ġesù u qabel Ġesù, biex qishom iħejjulu t-triq, u jmorru f’dawn il-postijiet. Kienet xi ħaġa ġdida. Kellhom bżonn li Ġesù jagħtihom dan il-kuraġġ, u li jkunu jafu li huma mibgħutin minn Ġesù.
ll-kliem li jgħid Ġesù tista’ tiġbru f’dak il-kliem li San Pawl jgħid lil Timotju. Ġesù jagħtihom ċerti struzzjonijiet importanti. L-ewwel ħaġa li Ġesù jgħidilhom: itolbu. Qabel ma jgħidilhom x’ħidma jridu jagħmlu u kif, “itolbu lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10:2). Ġesù ried ifakkarhom li anke jekk qed jibgħathom b’missjoni, min hu s-Sid? Il-Mulej, mhux huma. Kif naqraw fis-Salm: “jekk il-Mulej ma jibnix il-belt, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Salm 127:1). Għalhekk l-ewwel ħaġa li jrid minnhom: “itolbu”. Biex il-Mulej jieqaf magħhom fil-ħidma tagħhom, u biex il-Mulej jagħtihom ukoll l-għajnuna ta’ nies oħra li jissieħbu magħhom f’din il-ħidma.
Imbagħad Ġesu jgħidilhom: “Morru!” (Lq 10:3) Mela mhux jitolbu u jibqgħu hemm u qishom jingħalqu fihom infushom, imma jgħidilhom “morru”. Jagħtihom din il-missjoni. It-talb stess imexxihom lejn din il-missjoni li qed jagħtihom. U Ġesù jgħidilhom xi ħaġa tant importanti għal dawn id-dixxipli imma anke għal żmienna: “Qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Lq 10:3). Mela Ġesù qed jgħidilhom: tinħasdux jekk se tiltaqgħu mal-ilpup. U qed javżahom minn qabel. Nafu kemm kellu raġun dak iż-żmien, u nafu kemm għandu raġun fi żmienna. Jgħidilna ma ninħasdux. Imma jgħidilhom: lilkom qed nibgħatkom “bħal ħrief qalb l-ilpup”. Jiġifieri: issirux bħall-ilpup. Tibdewx tirraġunaw bħal oħrajn li l-iskop tagħhom mhuwiex li jgħinu imma li jagħmlu ħsara. Intom tridu tibqgħu bħall-ħrief, għax wieħed hu r-ragħaj: Ġesù. U Ġesù jirgħa n-ngħaġ u l-ħrief. Jekk intom tibqgħu bħall-ħrief, ikollkom lil Ġesù bħala r-ragħaj tagħkom. Jekk issiru bħall-ilpup, qed tgħidu lil Ġesù: ma rridukx tkun ir-ragħaj tagħna. Ara kemm hu importanti anke l-mod kif dawn jaqdu l-missjoni tagħhom. Dal-messaġġ hu importanti ħafna għalina llum, biex aħna nkunu “bħall-ħrief qalb l-ilpup”.
Imbagħad Ġesù jgħidilhom ħafna affarijiet oħra li huma ta’ valur kbir. Fosthom, li ma jeħdux magħhom ħafna affarijiet, jiġifieri ma jserrħux fuq dak li għandhom, għax għandhom iserrħu fuq il-Mulej biss. Jgħidilhom ukoll biex it-tislima tagħhom tkun: “sliem lil din id-dar” (Lq 10:5), ikunu strumenti tal-paċi fejn ikunu, mhux joħolqu konflitti u ġlied; dan għax huma bħall-ħrief, għax kieku bħall-ilpup ikunu differenti. Min hu dixxiplu għandu jwassal is-sliem tal-Mulej, kemm bil-kliem tiegħu, imma wkoll bl-azzjonijiet, bix-xhieda tal-ħajja tiegħu. Jgħidilhom ukoll biex ma jaħlux ħin. Meta jgħid “fit-triq issellmu lil ħadd” (Lq 10:4), ma jfissirx li tara lil xi ħadd u ma ssellilmlux; anzi, dik hi ħaġa sabiħa. Imma t-tislima hawnhekk kienet tislima li tieħu ħafna żmien u li ttellef din il-missjoni li qed jagħtihom Ġesù. U jgħidilhom ukoll biex “ifejqu l-morda” (Lq 10:9). Ara kemm jagħtihom għajnuna Ġesù fil-ħidma tagħhom biex tkun ħidma ta’ paċi, ta’ fejqan, ħidma li verament twassal is-saltna ta’ Alla, kif qalilhom biex jgħidu: “is-saltna ta’ Alla waslitilkom” (Lq 10:9).
Aħna u nirriflettu fuq dil-kelma ta’ Ġesù, nafu li dak li qal lid-dixxipli qed jgħidu lilna wkoll, għax bil-magħmudija aħna sirna wkoll dixxipli tiegħu li għandna missjoni. Dak li qal San Pawl lil Timotju jgħodd għalina wkoll: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba, ta’ rażan”. Nitolbu lill-Mulej biex hekk naqdu l-missjoni tagħna, biex inżommu f’moħħna dak li qal hu: l-ewwel it-talb, imbagħad l-azzjoni magħmula bl-ispirtu tiegħu, “bħall-ħrief qalb l-ilpup”, imma dejjem b’din il-fiduċja sħiħa fih li huwa hu li jrid imexxi l-ħidma tagħna, huwa hu li jrid jibni, u lilu li aħna rridu nwasslu lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju