Id-diskors tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eċċellenza President ta’ Malta, Sinjuri,

Xtaqt nibda b’silta mill‑poeżija Lil Malta ta’ Dun Karm li nkitbet 100 sena ilu. F’dan is‑sunett Petrarkjan, Dun Karm jibda billi japprezza l‑Italja, u jgħid: “Inħobb fis‑sewwa lil ġara tagħna”. Japprezza lill‑Ingilterra “li għandha fehma tal‑azzar daqs il‑qawwija”, imbagħad idur lejn Malta:

“Iżda daqsek lil ħadd, o Malta tiegħi,
għax int biss ommi, int tajtni l-isem,
u għadmek għadmi u demmek jiġri miegħi.

Daqsek lil ħadd; għaliex jekk inti żgħira,
setgħetek huma kbar fir-ruħ u l-ġisem,
u ġmielek sa fil-kbar nissel il-għira.”

Ovvjament dan sentiment nobbli u patrijottiku. Tirrealizzaw li kif ikellem lil Malta, qed jantiċipa dak li jikteb fl‑Innu Malti. Xtaqt nikkwota wkoll il‑poeżija Inħobbok, Poplu Tiegħi ta’ poeta iżjed riċenti għalkemm midħla ħafna ta’ Dun Karm, il-Prof. Oliver Friggieri li ħalliena ftit xhur ilu. Ippermettuli naqra din il‑poeżija kollha fejn anke Oliver jammetti li jħobb lill‑poplu Malti:

“Inħobbok, poplu tiegħi
li taf toħloq l-allat
kuljum u tiżfen magħhom
iż-żifna tas-sigħat.

Inħobbok poplu tiegħi,
li tilqa’ ġewwa fik,
kull ħaġa li l-barrani
jġib mill-bogħod għalik.

Inħobbok, poplu tiegħi,
bl-imħabba tat-tabib,
li taħt il-ġilda jfittex
il-mard, u l-mard isib.”

Fl‑opinjoni tiegħi, dawn iż‑żewġ atteġjamenti b’xi mod jiddiskrivu ftit l‑istat tan‑nazzjon f’dan il‑perjodu. Aħna kburin ħafna bl‑għeruq tagħna, imma s‑siġra tagħna għandha wkoll xi ftit weraq jew friegħi marrada. It‑tabib li jħobb, iħares lejn il‑pazjent, imma jħobbu xorta. Ħin minnhom, Oliver jipprova jpoġġi sebgħu fuq il‑pjaga — bħalma jagħmel tabib tajjeb, u l‑President Vella jifhimni iżjed minn kulħadd — u fil‑poeżija Eġoċentriżmi jitkellem fuq l‑awtoreferenzjalità u n‑narċiżiżmu li qed joħnoqna. Wara kollox, it‑titlu ta’ din is‑sezzjoni llum mhuwiex biss ‘Jien Malti/ja’, imma wkoll ‘Agħmilli like’. Din l‑ossezzjoni bil‑perċezzjoni. Donnu l‑approvazzjoni ta’ xi ħadd ser tagħmilni dak li jien. Qisu m’iniex kuntent b’dak li jien imma kważi ossessjonat bil‑perċezzjoni ta’ ħaddieħor fuqi. Interessanti ħafna dak li qal Dr Vincent Marmarà, jiġifieri li hemm parti kbira tal‑poplu tagħna li qiegħed fil‑kultura ta’ Facebook, minn fejn ġibna l‑kultura tal‑like. Fil‑poeżija qasira Eġoċentriżmi, Oliver Friggieri jħares lejna u jgħid:

“Issa,
b’kuxjenza mdewba, ngħixu taħt ir-rota
li ddur kuljum fuq id-drawwiet imsewsa
maħluqa minn Jien u Int oħrajn għalina.”

Donnu hemm identità maħluqa għalina mill‑oħrajn. B’xi mod dan hu sintomu ta’ eġoċentriżmu marid. Jiena naħseb li din hi l‑marda tal‑poplu tagħna li Dun Karm, f’poeżija profetika li jismiha Progress, ra mill‑bidu. Mitt sena ilu, huwa u jħares lejn il‑poplu tagħna, Dun Karm inkwieta:

“Li kull fejn iddawwar wiċċek,
nies imbergħna u mqarrsa …
theddid, tilwim, f’kull kelma,
saret traġedja l-farsa.”

Din id‑dijanjosi tal‑profeti, hija wkoll dijanjosi li hemm bżonn nagħtu kasha.

Veru wkoll li aħna: art u baħar. Jien naħseb li, jekk hemm mudell li jiddefinixxina hija li aħna poplu ta’ art u baħar. Xi ħadd mill‑persuni li kkonsultajt qabel ma bdejt nagħmel din ir‑riflessjoni qalli: ‘Swar u portijiet’. B’xi mod, proprju l‑art tagħna, li minn dejjem kienet, mhux biss fil‑belt ta’ Melite, imma mbagħad fi żmien il‑Kavallieri, madwar ix‑xtut tagħna, fortifikata għad‑difiża. Biex ngħidu hekk, hija fosdqa li ħafna minna huma komdi fiha.

Impressjonat mill‑fatt li ħafna minna huma kuntenti li twieldu hawnhekk, iżda li l‑multikulturiżmu jinkwetana. Il‑baħar jiftaħna għal ambjent ħafna iżjed ostili imma wkoll huwa parti mill‑identità tagħna. Dawn iż‑żewġ elementi, anke fir‑realtà reliġjuża, ma nistgħux ninsewhom. Wara kollox, elfejn sena ilu aħna ssemmejna fl‑Atti tal‑Appostli. Dawn iż‑żewġ elementi, l‑art u l‑baħar, huma preżenti f’din in‑narrattiva li wkoll tagħtina identità. “Meta ħlisna mill‑għarqa, sirna nafu li l‑gżira kien jisimha Malta. In‑nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb” (Atti 28:1‑2). Ir‑rakkont taż‑żjara ta’ tliet xhur tal‑Appostlu tal‑Ġnus fostna, proprju tikkonferma dan. Wara kollox kien ġie u fejjaq. Kien tabib li mhux biss poġġa s‑saba’ fuq il‑pjaga, imma fejjaqha wkoll. Kienet esperjenza ta’ fejqan. “Wara dan imbagħad bdew jersqu għandu l‑morda l‑oħra tal‑gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il‑ġifen kulma konna neħtieġu” (Atti 28:9‑10).

Kieku llum kellu jiġi San Pawl, b’275 kollegi tiegħu, x’konna nagħmlu? Jien naħseb din hi l‑kriżi li hemm bżonn nikkonfrontaw: l‑atteġjament tagħna lejn il‑baħar. Li għalkemm hu opportunità li aħna nimirħu, sar ukoll sfida meta jġib nies li ma applikawx biex jiġu jew forsi m’għandhomx il‑flus biex isiru ċittadini.

Nixtieq nikkonkludi b’konsiderazzjoni li l‑Papa Franġisku għamel fuq din id‑dikotomija, bejn il‑lokali u universali. Fl‑enċiklika li l‑Papa nieda s‑sena li għaddiet, Fratelli Tutti, qal: “Ta’ min ifakkar li bejn il‑globalizzazzjoni u lokalizzazzjoni hemm tensjoni. Jeħtieġ li nagħtu attenzjoni lid‑dimensjoni globali,” għalina huwa l‑baħar, “biex ma naqgħux fil‑medjokrità li ġġib magħha l‑ħajja ta’ kuljum. Fl‑istess waqt, ma rridux ninsew dak li hu lokali, li jżommna saqajna mal‑art. It‑tnejn magħqudin flimkien ma jħalluna bl‑ebda mod naqgħu f’xi wieħed minn dawn iż‑żewġ estremi: l‑ewwel, li ċ‑ċittadini jkollhom jgħixu f’universaliżmu astratt u globalizzanti; it‑tieni, li jsiru mużew tal‑folklor,” li dan huwa periklu kbir anke għall‑Knisja, “ta’ eremiti li moħħhom imwaħħal mal‑post tagħhom, ikkundannati li jirrepetu dejjem l‑istess ħwejjeġ bla ħila li jħallu jisfidahom dak li hu differenti u li japprezzaw il‑ġmiel li Alla jxerred lil hemm mill‑konfini tagħhom” (Fratelli Tutti nru 142).

Jiena nħoss li waħda mill‑kriżijiet kbar huwa n‑nuqqas ta’ traxxendent. Aħna għandna ppjanar imma ma għandniex sens ta’ estetika. It‑tikrih ta’ pajjiżna juri li għandna kriżi ta’ traxxendent. Nikkonkludi b’ħajku ta’ Oliver Friggieri:

“Staqsejt lil dudu
jekk jafx min ħalqu. Qalli:
‘Xi Ħadd li jħobbni!’”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta