L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11:28). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, u qed jindirizza żgur lil ħafna minna. Għax żgur li ħafna minna, f’mument jew ieħor tal-ħajja, ngħaddu mit-taħbit u mit-toqol. Għalhekk qed jagħmel stedina speċjali lilna li nkunu mħabbtin u mtaqqlin. Nixtieq naraw din is-silta tal-Evanġelju llum, u ħa nsemmi erba’ punti li Ġesù jagħmel, u li huma tassew ta’ ġid għall-ħajja tagħna.
L-ewwel nett Ġesù jgħid: “Infaħħrek Missier” (Mt 11:25). Fuq fomm Ġesù dejjem hemm kliem ta’ tifħir lil Alla. Dan diġà hu messaġġ importanti u qawwi għall-ħajja tagħna – biex aħna dejjem infaħħru lil Alla. Bi kliemna dejjem nagħtu tifħir u glorja lil Alla. Kemm hu ikrah meta tisma’ l-kontra! U kemm hu mifrux il-kliem ta’ tkasbir lil Alla! Għalhekk l-istedina li jagħmel Ġesù, anke bl-istess kliem tiegħu, hu biex kliemna jkun dejjem kliem li jfaħħar lil Alla.
Ġesù jgħid ukoll: “dawn il-ħwejjeġ… urejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25). Hawn għandna l-mod kif dejjem jaħdem Alla. Mhux permezz ta’ min hu mkabbar, ta’ min hu supperv, ta’ min jara lil ħaddieħor inqas minnu u jara lill-oħrajn dubbien, imma permezz ta’ min hu ċkejken. Alla hekk jaħdem. Meta nħarsu lejn l-Iskrittura, jaħdem speċjalment permezz ta’ dawk li huma ċkejknin, li quddiem in-nies forsi ma jidhrux nies partikulari ta’ intelliġenza kbira, imma jaħdem permezz tagħhom. Għalhekk “dawn il-ħwejjeġ urejthom liċ-ċkejknin”.
Imbagħad Ġesù jgħid ukoll: “Ejjew għandi” (Mt 11:28). L-istedina li qed jagħmel lil kull min hu mħabbat u mtaqqal hija “ejjew għandi”, għax meta mmorru għandu li nistgħu nsibu tassew il-paċi, is-serħan, il-ferħ f’qalbna. Kemm hija stedina sabiħa din!
U kemm hu tajjeb li niftakru f’dal-kliem ta’ Ġesù, speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija, fil-mumenti ibsin tal-ħajja! Immorru għandu, għax hu tassew jista’ jġibilna f’qalbna s-serħan, jagħtina l-paċi li tant ikollna bżonn.
U Ġesù, wara li jgħid “ejjew għandi” jgħid ħaġ’oħra: “tgħallmu minni” (Mt 11:29). Jgħid “tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Ftit drabi Ġesù nsibuh jgħid “tgħallmu minni”, avolja hu jixtieq dejjem li nitgħallmu minnu. Imma din l-istedina diretta “tgħallmu minni” nsibu bħalha fl-Aħħar Ċena meta, wara li jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, Ġesù jgħidilhom: “jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). “Tgħallmu minni”, “jien tajtkom eżempju biex tagħmlu bħalu” – qed jgħid l-istess kliem imma dejjem għall-istess ħaġa: biex nitgħallmu minnu li nkunu tassew ma’ xulxin ta’ qalb ħelwa u umli, lesti li nuru din l-imħabba fi kliemna, fil-qadi tagħna. Dak kollu li nagħmlu jkun tassew għall-ġid tal-oħrajn imma b’dan l-ispirtu: b’qalb ħelwa u umli.
Nitolbu lill-Mulej. Ejjew immorru għandu, biex hu jkompli jmexxina fil-ħajja tagħna. Jgħinna biex kliemna jkun dejjem ta’ tifħir lil Alla; jgħinna biex nagħrfu naqdu b’umiltà, b’qalb ħelwa, għax Alla jaħdem permezz taċ-ċkejknin, u bihom ukoll jiġbed tant nies lejh. Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem inkunu viċin tiegħu u nilqgħu l-istedina li jagħmlilna “ejjew għandi”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju