Meta ktibna din l-Ittra Pastorali aħna konna mmexxija mid-dmir tagħna li nippriedkaw lil kattoliċi l-fidi li għandhom jemmnu u japplikaw fil-ħajja morali.
Il-missjoni tagħna l-Isqfijiet tagħmel sens biss jekk inkunu f’għaqda ma’ Kristu. Din l-għaqda hija garantita jekk it-tagħlim tagħna jkun jaqbel mal-Maġisteru. Dan jgħodd ukoll għas-saċerdoti. Ghalhekk napprezzaw ħafna li s-saċerdoti tagħna fil-parti l-kbira tagħhom huma f’komunjoni magħna l-Isqfijiet.
Peress li s-suġġett ta’ l-aħħar Ittra Pastorali huwa delikat ħafna, qabel ma ppubblikajna l-Ittra, tlabna u ksibna l-parir informali ta’ teologu fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Dan id-dokument huwa taż-żewġ Isqfijiet flimkien u d-dokument jesprimi l-pożizzjoni komuni tagħna t-tnejn.
Ħadna nota li xi uħud ħassewhom offiżi imma nassiguraw li mhix l-intenzjoni tagħna li noffendu lil xi ħadd. F’dawn id-dawl semmejna d-dinjita’ tagħhom ta’ wlied Alla, il-ftuħ għall-grazzja tar-rikonċiljazzjoni u l-appell tagħna għax-xjenzati li jkompli jfittxu metodi li huma etikament tajbin ħalli jgħinu koppji bi problemi ta’ infertilita’.