Aħna l-kappillani tal-erba’ Parroċċi ta’ Tas-Sliema, flimkien mal-Parroċċa tal-Balluta, wara li smajna t-tħassib, l-ilmenti u d-dwejjaq tal-komunitajiet tagħna, u wara li tkellimna mal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, ħassejna l-ħtieġa li nuru l-inkwiet tagħna fuq il-mod allarmanti li bih din il-lokalità qed tiġi degradata minħabba l-ammont ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni li qed isiru fiha. Qegħdin nevitaw li nużaw il-kelma “żvilupp”għax inħossu li dak li qed isir f’din il-lokalità ma jistħoqqlux dan it-titlu, għax “biex nistgħu nitkellmu fuq żvilupp awtentiku, irridu nagħmlu mezz li jkun hemm titjib sħiħ fil-kwalità tal-ħajja umana, u dan ifisser li għandna nikkonsidraw ukoll l-ambjent li fih in-nies iqattgħu ħajjithom” (Laudato Si`, 147).
Bil-kitba saru ħafna ilmenti dwar il-proposti li jinbnew għadd ta’, hekk imsejħa, torrijiet f’Tas-Sliema u l-madwar. Protesti saru wkoll. Madanakollu, jidher li l-preokupazzjonijiet tar-residenti qed jaqgħu fuq widnejn torox, għax il-permessi baqgħu ħerġin mingħajr l-ebda pjan ħolistiku ta’ żvilupp, u bla rispett u sensittività lejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u l-eluf ta’ nies li jżuru din il-lokalità. Sa issa, din il-ferneżija għal iżjed bini ssarfet fost l-oħrajn:
- f’bankini perikolużi li jċaħħdu l-aċċessibiltà lill-anzjani u lill-persuni b’diżabiltà;
- f’piżijiet kbar fuq l-infrastruttura (bħad-drenaġġ, il-provista tal-elettriku u l-ilma, il-parkeġġ u l-kwalità tat-toroq);
- fi stress psikoloġiku (kultant ansjeta’ kbira) ta’ min ikollu r-residenza tmiss ma’ xi sit ta’ kostruzzjoni, minħabba l-biża’ li se jispiċċa mirdum taħt it-tifrik ta’ daru stess.
- fi ħsarat (xi drabi permanenti) fil-proprjetà li dawn l-istess residenti sfortunati jbatu – ħsarat li ħafna drabi ma jkunux ikkumpensati għax ħadd ma jiddefendi lill-vittma mill-prepotenza tal-kuntrattur;
- f’inkonvenjent (ħafna drabi kontinwu) ta’ storbju, trabijiet, nuqqas ta’ aċċessibiltà u periklu għar-residenti;
- fi kwantità dejjem tiżdied ta’ binjiet mhux użati u battala, u
- f’nuqqas ta’ spazji miftuħa. Ir-riċerka kollha f’dan il-qasam tenfasizza l-importanza li l-ispazji miftuħa għandhom ikunu hemm għall-ġid fiżiku, psikoloġiku u soċjali tar-residenti.
Wieħed jasal biex jiddubita kemm minn dawn il-preokupazzjonijiet qed ikunu kkonsidrati mill-esperti tal-ippjanar li joħorġu l-permessi għall-bini. Meta sa jasal iż-żmien li jkunu l-Kunsilli Lokali nfushom, b’konsultazzjoni mar-residenti, li jiddeċiedu meta lokalità tkun laħqet il-limiti tagħha fejn jidħol il-bini? Meta sa jibdew joħorġu permessi abbażi tal-impatt li sa jkollhom fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti aktar milli fuq kemm fadal spazju u fuq kemm se jkun il-gwadann ekonomiku?
Madanakollu, hawn min iqis l-isfreġju li qed iseħħ f’din il-lokalità bħala ‘progress’ għaliex qed jiġġenera ġid finanzjaru. Il-Papa Franġisku jwissina wkoll fuq min, bi skuza ta’ proġetti ta’ żvilupp għall-komunità jfittex li jħaxxen butu. “Bl-imġiba tagħhom qed juru li għalihom biżżejjed li jogħlew il-profitti. Is-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u l-inklużjoni soċjali” (Laudato Si, 109).
B’din l-istqarrija, xtaqna li flimkien mar-residenti ta’ din iż-żona nappellaw għall-bżonn li nirriflettu u nevalwaw il-prijoritajiet fid-dawl tal-ħarsien tal-ġid komuni, mingħajr ma nħallu l-ebda interessi oħra jiddettaw u jnawwru l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Nappellaw għal aktar ġustizzja soċjali li tipproteġi liż-żgħir – li sfortunatament leħnu ma jwassalx sal-kuriduri fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jikkonċernawh, daqs il-leħen ta’ “minoranza li taħtaf taħt difrejha s-setgħa ekonomika u finanzjarja” (Laudato Si`, 203).