Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tirreferi għall‑aħbar li xxandret fil-media, fejn intqal li l‑Gvern offra l‑possibbiltà li l‑Kulleġġ Santu Wistin fil‑Pietà juża l‑iskola medika ta’ Gwardamanġa bħala skola primarja, minflok li jsir bini ġdid.
Il-Kummissjoni temmen li din il‑proposta tista’ tkun għażla fejn waqt li art mhux mibnija tkun salvata, il‑bżonnijiet li jinħassu sabiex inkabbru l‑faċilitajiet tal‑iskejjel ikunu xorta moqdija. Huwa dan l‑istil ta’ raġunar li għandna bżonn naslu għalih sabiex naċċertaw li jkollna żvilupp sostenibbli f’dawn il‑gżejjer. Huwa żvilupp sensibbli u bil‑galbu li waqt li jissodisfa l‑bżonnijiet leġittimi (f’dan il‑każ, tal‑Kulleġġ Santu Wistin), jagħraf juża l‑art diġà mibnija, b’mod li ma nnaqqrux aktar mill‑ftit riżorsi ambjentali li għad fadlilna (f’dan il‑każ: art mhix mibnija).
Il‑Kummissjoni tixtieq tfaħħar din il-proposta u tittama li din tista’ tgħin biex tinstab l-aħjar soluzzjoni. Nifhmu wkoll li t-twettiq tal-proġett jinvolvi spejjeż għan-naħa tal-iżviluppatur u nittamaw li b’rieda tajba din il-problema tiġi solvuta wkoll.
Aħna ċerti li hemm każijiet oħra fejn l‑istess sens ta’ galbu u rispett lejn ir‑riżorsi ambjentali tagħna jistgħu jgħinuna nagħmlu għażliet li jirriflettu aktar sensibbiltà u responsabbiltà ambjentali. Nemmnu li fejn ikun hemm ir‑rieda u l‑għarfien sħiħ ta’ x’jistgħu jkunu l‑impatti tad‑diversi għażliet li nistgħu nagħmlu sabiex naqdu aħjar il‑bżonnijiet soċjali, kulturali jew ekonomiċi li jista’ jkollna, dejjem nistgħu naslu sabiex insibu soluzzjonijiet ġusti.