Għal dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) kienet tieħu l-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk (4 ta’ Ottubru) sabiex tfakkar u tisħaq ir-responsabbiltajiet speċjali li l-Insara għandhom lejn il-ħolqien u r-relazzjonijiet kollha li jsawruh. Għan-Nisrani u kull min jemmen f’Alla l-Ħallieq ta’ kollox, l-arja, l-art, l-ibħra, il-ħlejjaq kollha, u l-univers kollu, huma mnisslin mill-imħabba infinita t’Alla u xhieda ħajja tagħha. Wieħed mill-ewwel Insara li fehmu sew din il-verità kien appuntu l-fqajjar ta’ Assisi, San Franġisk. U jekk verament nifhmu u nemmnu f’dan, kif jista’ jkun li bħala Nsara nonqsu milli nifhmu r-responsabbiltajiet tagħna lejn l-ambjent u lejn l-immaniġġjar u l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi ambjentali tagħna mil-lenti tal-fidi, l-imħabba u r-rispett lejn kull ma ħareġ minn id il-Ħallieq? Għalhekk il-KA tixtieq tipproponi li l-Knisja f’Malta u f’Għawdex tibda tirreferi għal dan il-jum bħala JUM IL-HOLQIEN fil-kalendarju liturġiku tagħha.
L-immaġni ta’ San Franġisk li twasslilna l-media hi dik ta’ bniedem ġentili u kalm, kollu ħlewwa lejn il-proxxmu, kollu sentimenti sbieħ lejn l-għasafar, lejn il-lupu, lejn il-qamar u lejn ix-xemx. U dan kollu huwa veru. Iżda jekk l-istampa tagħna ta’ dan il-bniedem tieqaf hemm … allura tkun karikatura. Dan il-bniedem ukoll għaraf imur kontra l-ideoloġiji, il-poter u l-awtorità dominanti ta’ żmienu. Bil-qawwa tal-konvinzjoni tiegħu, biddel ta’ taħt fuq l-istess imġiba mhux tiegħu biss iżda wkoll ta’ kull min kien jafu … tal-knisja ta’ żmienu u tal-istess soċjetà li għex fiha. Dan kien il-veru Franġisku: ħlewwa u mħabba li joħorġu min-nar u l-qawwa ta’ konvinzjoni interna li jrid ibiddel il-konvenzjonijiet u l-istili ta’ ħajja spiss ipokriti u nġusti ta’ żmienu.
Il-Kummissjoni temmen li trid tkun l-istess konvinzjoni li twassalna sabiex fi żmienna, naslu biex inneħħu l-għamad minn quddiem għajnejna u nifhmu li l-problemi ambjentali, li writna minn ta’ qabilna u li wettaqna aħna stess, huma frott tal-kilba sabiex nagħmlu tagħna dak li mhuwiex. Hija din l-istess konvinzjoni li trid tgħinna nagħmlu l-bidla fl-imġiba tagħna li twassal għal għażliet spiss skomdi li jeħtieġ li nagħmlu bħala individwi, bħala entitajiet (eż. il-Knisja) u bħala awtoritajiet (eż. Il-Gvern) fl-użu aktar għaqli tar-riżorsi ambjentali tagħna. L-iżvilupp veru tal-ġid materjali (jiġifieri l-ekonomija) tagħna lkoll (u mhux ta’ ftit minna) u tal-kwalità tal-ħajja li nixtiequ jiddependu minn dawn ir-riżorsi u kif ser nużawhom. Hekk biss jista’ jkun hemm biżżejjed u għal kulħadd. Hekk biss jitwettaq żvilupp li huwa sostenibbli.
F’dan il-jum, il-KA tħossha fid-dmir li tfakkar lil kull ċittadin Malti u Għawdxi f’dawn il-veritajiet. Sadanittant il-KA twiegħed li ħa tkompli l-ħidma tagħha sabiex jasal dak iż-żmien (għax għadu ma wasalx) fejn kull Nisrani jagħraf ir-responsabbiltajiet speċjali tiegħu lejn il-ħolqien. Sabiex tagħmel dan u tkompli mal-vokazzjoni li għaliha twaqqfet, fil-ġranet li ġejjin il-KA ser:
(a) tippubblika l-fehma tagħha fid-dettall fuq il-Politika Nazzjonali fuq l-Ambjent (National Environment Policy) li għadu kemm ħareġ għall-konsultazzjoni;.
(b) tippubblika r-reazzjonijiet tagħha dwar il-proposti dwar l-edukazzjoni ambjentali msemmija fid-dokument dwar il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali li bħalissa wkoll għaddej minn proċess ta’ konsultazzjoni; u
(c) torganizza Konferenza Nazzjonali bil-għan li tgħin lil kull settur involut jifhem x’inhu jżommna milli jkollna użu aktar għaqli tal-ilma, tal-art u l-binjiet tal-gżejjer tagħna. Nixtiequ li parti mill-istess Konferenza tinżamm f’Għawdex, sabiex flimkien niflu l-limitazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed iwasslu sabiex il-popolazzjoni residenzjali ta’ din il-gżira, tixjieħ b’mod allarmanti, u kif l-iżvilupp sostenibbli mixtieq, waqt li jattira investiment ġdid, jagħmel dan bil-galbu u b’rispett lejn l-ambjent karatteristiku ta’ Għawdex.
F’dan kollu nixtiequ li ħadd ma jintilef biss fi kliem u ħolm fieragħ. Iżda nixtiequ li lkoll kemm aħna jkollna l-konvinzjoni li flimkien nistgħu niżviluppaw b’mod li jagħmel sens għal kulħadd. Inħossu li sabiex dan jitwettaq, jeħtieġ li jkollna sens ta’ direzzjoni lejn fejn irridu naslu, u x’irid isir sabiex naslu.
Hi ħasra li l-ambjent spiss jintuża bħala okkażjoni sabiex il-partiti politiċi jiksbu l-punti fil-propaganda politika rispettiva tagħhom. Għalhekk ħafna drabi l-ġid komuni – li lkoll isostnu li hu l-għan aħħari tal-politika tagħhom – isir biss retorika biex jattakkaw lil xulxin. U sadanittant:
- jibqgħu isiru studji u rapporti bla ma jkunu implimentati; nistabilixxu regolamenti u liġijiet li rarament ikunu nfurzati; issib min jippreferi joqgħod gallarija ħalli jintgħoġob u ma jidhirx ikrah; u
- min jabbuża mill-ambjent u r-riżorsi tiegħu jibqa’ għaddej jagħmel li jaqbillu jew għax ħadd ma jiqaflu jew għax protett.
Il-Kummisjoni tħoss li m’hemmx aktar skużi. Kulħadd jaf x’għandu jsir imma ħadd ma jrid imidd il-pass biex jeqred l-abbużi u jħares l-ambjent … għax jibża’ li jingidem. Kien għalhekk li, madwar sena ilu, il-KA kienet esprimiet ix-xewqa li jinbeda proċess sabiex l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Grupp Konġunt Parlamentari. Imma hija ħaġa tal-iskantament, li kull meta l-Kummissjoni tagħmel xi suġġerimenti għal xi tibdil fl-istruttura tal-poter b’mod li bihom igawdi ċ-ċittadin komuni … l-ebda partit politiku ma jikkummenta dwarhom! Dan it-tip ta’ skiet hu inkwetanti. Nifhmu li dawn is-suġġerimenti jistgħu jmorru kontra l-mod ta’ kif aħna l-Maltin sa issa ‘għamilna l-politika tagħna’. Imma jekk din l-idea tidher wisq Utopika, tant ieħor kienu jidhru l-ideat li nissel Franġisku fis-soċjetà ta’ żmienu.